Wara sentejn u nofs ta’ xogħol u b’investiment ta’ sitt mitt elf ewro, l-istudenti li jattendu l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat, se jkunu qed igawdu minn faċilitajiet sportivi ġodda.
Il-Kumpless Sportiv jinkludi grawnd full-size bit-turf artifiċjali, track tal-gomma b’tul ta’ tliet mijja, ħamsa u tletin metru, u padiljun sportiv.
Ma’ dawn inbena wkoll court tal-volleyball u ieħor tal-basketball. Fi kliem ir-Rettur tal-Kulleġġ, Silvio Bezzina, l-istudenti ser ikunu jistgħu jimirħu fuq dixxiplini sportivi diversi.Fiċ-ċerimonja uffiċċjali tal-inawgurazzjoni, huwa fisser dan il-proġett bħala wieħed li ġab miegħu sodisfazzjon kbir.
Waqt li ddeskriva l-mument tal-inawgurazzjoni bħala wieħed speċjali, qal li dan iġib fit-tmiem tagħhom il-faċilitajiet li kien hemm qabel, bħall-grawnd taż-żrar li kien inbena erbgħin sena qabel u li kien ilu jinħass il-bżonn li jiġi aġġornat.
Ir-Rettur spjega li x-xogħol dam għaddej ftit iktar milli ppjanat, minħabba li waqt l-iskavar, instabu għadd ta’ katakombi, li kellhom jiġu ppreservati.
Żied jgħid li l-grawnd tal-futbol sar bi ftehim bejn il-Kulleġġ u l-Malta Football Association b’konsegwenza li l-klabb tal-futbol tal-Imdina Knights se jkunu jistgħu jitħarrġu f’dan il-grawnd.
Għaċ-ċerimonja attendew mijiet ta’ persuni, fosthom studenti, staff tal-iskola, u ġenituri, li qattgħu il-jum tal-Ħadd f’atmosfera mill-isbaħ, waqt li gawdew mill-bosta spettakli mtella’.
L-avveniment tal-ftuħ uffiċjali sar ukoll f’kollaborazzjoni mal-festival Altofest ta’ Valletta elfejn u tmintax. Artisti u korjografi Naplitani mexxew il-festival bis-sehem ta’ madwar mitejn student tal-kulleġġ.