Tlesta l-proġett ta’ Rijabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex li għalih kien hemm investiti €1.2 miljun.
Dan wara li tlestew l-aħħar xogħlijiet li kien fadal fl-Imġarr, fejn saru faċilitajiet ġodda għas-sajjieda.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega x’kien jinvolvi wieħed mill-investimenti li saru b’finanzjament ta’ €790,000.
“Illum il-ġurnata l-Ministeru għal Għawdex għandu xejn anqas minn ħames trailers kif ukoll tow truck sabiex is-sajjieda jtellgħu l-opri tal-baħar tagħhom mill-baħar u jittieħdu fid-dry-standings rispettivi, però s-servizz se joffri lil dawk li jixtiequ jieħdu l-bastiment tagħhom fi propjetà tagħhom ser ikunu jistgħu wkoll jagħmlu dan b’servizz b’xejn mingħand il-Gvern. ”
F’żona oħra f’dan il-proġett u b’investiment ta’ ħamsa u disgħin elf ewro, tpoġġa tagħmir li kien jinkludi winch ġdid u service pillars għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti li jkunu qed isiru mis-sajjieda.
Twaħħlu wkoll kameras tas-sigurtà biex jissorveljaw din iż-żona.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, li huwa ko-finanzjat b’fondi Ewropej, is-sajjieda Għawdxin se jkollhom aktar faċilitajiet li huma iżjed siguri.
“Huwa nvestiment importanti biex niffaċilitaw il-ħajja tas-sajjieda, pero dawn huwa wkoll investiment li jifforma parti minn kullana ta’ investimenti li saru fil-programm bejn l-2014-2020.”
Il-proġett kien jinkludi wkoll ix-xogħlijiet ta’ riġenerar li saru fix-Xlendi.