Ġnien Tfal ir-Raħal fl-Imqabba tinbidel f’faċilità għall-eżerċizzju fiżiku grazzi għal nefqa ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro, li minnha se jibbenefikaw b’mod partikolari t-tfal u l-ġenituri tagħhom. Ix-xogħlijiet inkludew tagħmir sportiv kif ukoll tisbiħ mal-ġnien kollu.
Il-Ministru għall-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li li dan il-ġnien se jkun strumentali fiż-żamma ta’ ħajja sana u li kull investiment f’saħħet il-poplu jiswa mitqlu deheb u l-Gvern mhux se jżomm lura milli jibqa’ jagħmel dan.
Hija stqarret: “Irridu li fil-qalba tal-irħula, ġonna u spazji jagħtu opportunità għal attività fiżika għat-tfal u mn jgħix f’dawn l-irħula. Il-proġett ta’ €25,000 fl-Imqabba se jagħti dak in-nifs importanti favur l-isport.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li l-Gvern qiegħed iwettaq bil-għan li jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa sostna: “Illum qed naraw investiment simili fl-Imqabba fejn permezz ta’ ħidma bejn is-Segretarjat, il-Ministeru u l-Kunsill se jibbenefikaw ir-residenti, tfal u żgħażagħ tal-akkwati.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li SportMalta qed twettaq il-missjoni tagħha billi taħdem id f’id mal-kunsilli lokali biex tgħin lill-pubbliku ġenerali jsib spazji miftuħa biex jitħarreġ qrib id-dar.
Huwa tenna: “Il-missjoni ta’ SportMalta hi li nsaħħu l-komunitajiet bl-eżerċizzju fiżiku u li għamilna fl-Imqabba hu eżempju ċar.”
Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia saħaq li b’dan l-investiment qed nagħtu lura l-ħajja lil Ġnien Tfal ir-Raħal.
Huwa saħaq: “Illum qed nerġgħu nagħtu l-ħajja lil Ġnien Tfal ir-Raħal, li tfal u kulħadd jistgħu jagħmlu użu tal-ġnien li qed iservi għal post ta’ eżerċizzju li jista’ jgawdi minnu kulħadd.”