Fil-kumpless ECOHIVE fin-Naxxar se tinbena faċilità ġdida b’investiment ta’ għaxar miljun ewro sabiex jiġi massimizzat il-valur tal-iskart goff li jidħol mill-iskips.
Hawnhekk dan il-materjal se jiġi sseparat skont it-tip ta’ skart u imbagħad jiġi pproċessat separatament bil-għan li jiżdied il-valur tal-materjal għall-esportazzjoni.
Dan tħabbar propju mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt żjara fil-Kumpless ECOHIVE, fejn hawnhekk ġie spjegat li din il-faċilità se tkun qed tinbena b’mod innovattiv għall-aħħar u mhux se tkun qed tittieħed l-ebda art żejda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca qal kif permezz ta’ dan il-proġett dwar skart goff, Malta ser tkompli tara tisħiħ fil-qasam tal-iskart.
Qal, “Ser ikun qed jinbena spazju bejn żewġ miżbliet biex fuqu titpoġġa skip managment facility bl-għan aħħari li li jitnaqqas b’mod drastiku l-ammont ta’ skart li jidħol fil-miżbla. Dan il-materjal jerġa’ jiddaħħal lura fl-ekonomija biex b’hekk inkomplu ntejbu l-performance ambjentali tal-pajjiż.”
Bilocca spjega wkoll li l-faċilità ġdida se tikkumplimenta l-investiment ta’ nofs biljun ewro tal-ECOHIVE, li se jikkonsisiti f’erba’ impjanti ġodda.
Il-Ministru Aaron Farrugia tenna kif dan l-investiment se jtejjeb ukoll l-ekonomija ċirkulari tal-pajjiż.
Spjega, “Hawnhekk se jkun hawn skart goff li se jidħol u jiġi separat u ħafna minnu se jiġu riċiklati u allura jmorru fl-ekonomija ċirkulari kif ikoll ibigħ fi swieq internazzjonali. Qed ngħidu dan għaliex hawnhekk se jkun hawn ’il fuq minn 47,000 tunnellata fejn qabel kienu jmorru ġo miżbla issa se jmorru lejn ekonomija ċirkulari.”
Il-faċilità ġdida, li se ttejjeb ir-rata ta’ riċiklaġġ f’pajjiżna, mistennija tibda tintuża fl-elfejn tlieta u għoxrin.