Parti minn Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq inbidlet f’faċilità għall-eżerċizzju fiżiku grazzi għal investiment ta’ sbatax-il elf ewro mill-Gvern.
Il-proġett ta liż-żona grawnd tal-futbol għat-tfal b’turf artifiċjali kumplimentat minn żewġ magni tal-gym għall-ġenituri, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzju.
Il-Ministru għall-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli wriet sodisfazzjon għal dan il-proġett: “Dan hu wieħed mill-aktar postijiet miftuħa mfittxija fin-naħa t’isfel ta’ Malta, u allura ħsibna li noħolqu spazju sigur għat-tfal biex jilagħbu l-futbol, hemm tagħmir ukoll biex ġenituri li jkunu fil-viċin ikunu jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport u r-Rikreazzjoni Clifton Grima aċċenna għall-impenn tal-Gvern li huwa kommess li jkompli jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin, partikolarment fis-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
Huwa qal, “Se jibbenefikaw minn dan il-familji tal-lokalità u l-madwar permezz ta’ attività fiżika f’post sigur.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li SportMalta, barra li qed tagħmel investiment fil-faċilitajiet sportivi tagħha u oħrajn ġodda, għamlet eżerċizzju biex tfittex spazji miftuħa fil-komunitatjiet.
Cutajar sostna: “SportMalta apparti li tinvesti fil-faċilitajiet sportivi, investi wkoll fi spazi aperti biex nagħtu ċans lil aktar nies jagħmlu attività fiżika.”
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima saħqet li l-ġonna pubbliċi dejjem kellhom funzjoni importanti għas-saħħa pubblika fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Hija saħqet: “Hawnhekk żgur se jintuża. Irrid nagħmel appell biex min juża hawn iżommu nadif u jieħu ħsieb l-affarijiet li għadhom kif tawna.”