L-impjant tal-WasteServ f’Marsaskala żied il-ħidma tiegħu fir-riċiklaġġ tal-ħġieġ permezz ta’ sorting line ġdida li mistennija tirkupra madwar ħamsa u erbgħin miljun flixkun tal-ħġieġ fis-sena.
Barra minn hekk, din il-linja ser tkun qed ittejjeb l-effiċjenza bir-riżultat aħħari jkun dak li l-materjal riċiklat ikun ta’ kwalità għolja li kapaċi jġib prezz aħjar fis-suq.
Il-linja li tqassam il-ħġieġ li jidħol manwalment ser tkun qed tagħmilha aktar faċli biex jiġi separat il-ħġieġ abjad minn dak tal-kulur filwaqt li jitneħħew kwalunkwe kontaminanti bħal tappijiet u għotjien.
Uffiċjal fi ħdan l-impjant f’Marsaskala, Gregory Fenech spjega kif minkejja li l-makkinarju inġieb minn impjanti oħra dan kien aġġustat għal kriterji tal-impjant f’pajjiżna mill-ħaddiema tal-WasteServ stess.
“Dan ħadnieh minn affarijiet riċiklati li użajna kif kienu ġo impjanti oħrajn qabel irranġajniehom, wessajniehom, għamilna struttura ġdida aħna kollox iddisinjat in-house hawnhekk anki bħala elettriku kollox in-house bl-istarters tal-muturi kollox bin-nies tagħna kemm jista’ jkun.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca stqarr kif kien permezz tal-kampanja ‘Ħġieġ Nadif, Ħġieġ Riċiklat” li żdied l-ammont ta’ ħġieġ li l-WasteServ bdiet tirċievi.
Dan wassal biex madwar disgħa u disgħin fil-mija tal-ħġieġ li jasal mill-pubbliku jkun nadif.
Bilocca tenna kif issa dan il-materjal riċiklat ser jinbiegħ fi swieq internazzjonali filwaqt li kompla jħeġġeġ lill- pubbliku jissepara l-iskart b’mod responsabbli.
“Dan il-ħġieġ issa ħa jmur fis-suq internazzjonali u ser jattira prezzijiet aħjar u anki jservi użu aħjar. Min hawnhekk inkomplu nagħmlu appell lin-nies biex ikomplu jirsistu fejn jidħol is-separazzjoni tal-iskart u nirringrazzjaw ukoll lil ħaddiema li qed jagħmlu xogħol kbir.