Wara kważi sitt sigħat, u f’ċertu pajjiżi saħansitra iktar, is-servizzi fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali Facebook, WhatsApp u Instagram reġgħu lura għan-normal.
Il-kumpanija Facebook qalet li kien hemm xi ħsarat f’bidla fil-konfigurazzjoni li kellha ssir, li affettwat is-sistema interna tal-kumpanija.
It-tliet pjattaformi li jitmexxew minn Facebook u jaħdmu fuq l-istess infrastruttura diġitali, ma setgħux jiġu aċċessati la minn fuq il-kompjuters u lanqas minn fuq il-mobiles.
Is-sit Downdetector, li janalizza qtugħ ta’ servizzi online, qal li dan kien l-agħar li qatt ġie esperjenzat, b’aktar minn għaxar miljun rapport madwar id-dinja.
Il-fundatur ta’ Facebook, Mark Zuckerberg skuża ruħu għal kull inkonvenjent.
Intant, il-ġid personali ta’ Zuckerberg naqas b’aktar minn sitt biljun dollaru fi ftit sigħat, tant li niżel fil-lista tal-aktar nies sinjuri madwar id-dinja.
Il-valur ta’ Zuckerberg niżel għal madwar mija u wieħed u għoxrin biljun dollaru, biex issa jinsab fil-ħames post taħt Bill Gates fl-Indiċi tal-ikbar biljunarji fid-dinja ta’ Bloomberg.