Il-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft żvelaw kodiċi ta’ kondotta biex jiġi miġġieled diskors illegali ta’ mibegħda onlajn fl-Ewropa.
Il-Kumpaniji tal-IT qegħdin jappoġġaw il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-pjattaformi onlajn ma joffrux opportunitajiet biex dan it-tip ta’ diskors jinfirex b’rata mgħaġġla.
Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft huma obbligati jkomplu jiżviluppaw proċeduri interni biex diskors ta’ mibegħda jitneħħa fil-pront. Iridu wkoll iħarrġu lill-ħaddiema tagħhom kontra d-diskors ta’ mibiegħda. Barra minn dan se jfittxu li jsaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-firxa tad-diskors ta’ mibegħda onlajn mhux biss jaffettwa b’mod ħażin il-gruppi jew l-individwi fil-mira tiegħu, imma wkoll lil dawk li jsemmgħu leħinhom favur il-libertà u t-tolleranza.
Żiedet li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-liġijiet nazzjonali jipprovdu kontra r-razziżmu, kemm onlajn u anke offlajn, u li dawn jitwettqu. Dan flimkien ma’ sistema edukattiva tajba.