Mijiet ta’ kuntratturi tqabbdu mill-kumpanija ġganteska tal-midja soċjali Facebook, biex jisimgħu u jiktbu dak li ngħad f’numru ta’ konversazzjonijiet privati fuq Facebook.
Dan ġie żvelat f’rapport imħejji mill-kumpanija Bloomberg, fejn ingħad li Facebook kien qed jittestja għodda ġdida li tagħmel traskrizzjoni ta’ dak li jingħad f’konverżazzjoni bejn żewġ persuni fuq l-app ta’ Messenger, permezz ta’ kuntratturi li jisimgħuhom.
Ir-rapport jgħid li l-kumpanija Facebook bagħtet numru ta’ konversazzjonijiet anonimi lil tal-inqas kumpanija waħda bbażata f’Kalifornja, u l-impjegati tagħha riedu jisimgħu u jiktbu dak kollu li ntqal fil-konversazzjoni.
Kelliema għal Facebook ikkonfermaw li dan waqaf isir ftit aktar minn ġimgħa ilu.
Dan kollu ġie żvelat sena wara li l-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg stqarr quddiem il-kungress Amerikan, li Facebook ma jismax konversazzjonijiet privati.
Anzi, kien saħansitra sejjaħ din is-suppost qlajja bħala, conspiracy theory.
Iżda issa, sena wara din id-dikjarazzjoni, uħud mill-kuntratturi li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol – li ma ngħatawx raġuni warajh, tkellmu għax ħassew li ma kienx etiku.
Barra minmn hekk, ħafna impjegati stqarrew li ħassewhom imbarazzati jisimgħu ċertu konversazzjonijiet.