Fabio Spiteri huwa l-ewwel atleta Malti li temm b’suċċess il-maratona magħrufa bħala ‘Five by Ironman’; maratona li tinkludi dsatax-il kilometru ta’ għawm, disa’ mitt kilometru ta’ ċikliżmu, u mitejn u ħdax-il kilometru ġiri.
Ma’ ONE News ftit qabel ma siefer biex jieħu sehem f’din l-isfida, huwa kien qal li kien se jgħaddi lilu nnifsu minn din l-isfida b’risq is-santwarji tal-annimali.
Mal-wasla tiegħu lura f’Malta huwa ntlaqa’ minn diversi ħbieb u membri tal-familja, kif ukoll minn ftit mill-klieb tiegħu.
Fabio qalilna li sa issa s-somma miġbura b’risq is-santwarji tal-annimali hija ta’ madwar tlieta u tletin elf ewro, u li huwa jinsab bla kliem minħabba l-fatt li rnexxielu jegħleb din l-isfida fiżika.
“Qed inħossni sodisfatt ħafna, kemm għax hija tellieqa iebsa – din kienet world cup, jien ġejt fis-seba’ post u qiegħed il-mija u ħamsa u għoxrin persuna li lestejt din it-tip ta’ distanza minn kemm ilha teżisti din it-tellieqa.”
Minkejja l-jiem ta’ sfidi li għamel fi Franza tul il-maratona, Fabio stqarr li issa se jitfa’ għajnejh fuq sfida oħra: maratona li hija twila d-doppju ta’ dik li għadu kif għeleb.
“Issa għandi bżonn break tajjeb biex nistrieħ għax anke tlift ħafna piż u qed inħossni ‘slow motion’, nuqqas ta’ rqad minkejja li ilni tlett ijiem rieqed. Nistrieħ, imbagħad nibda’ nittrenja bil-mod u naraw x’se nivvinta.”