Il-Kap tal-Programmi ta’ Net Television, Fabian Demicoli, mistenni jirriżenja mill-kariga tiegħu biex hu wkoll jeħles mill-konfużjoni li qed tirrenja fil-Partit Nazzjonalista.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd f’aħbar oħra mill-qalba tal-Partit Nazzjonalista.
Fabian Demicoli huwa wieħed minn sensiela ta’ persuni li qed jaħsbu li jitilqu mill-istamperija, bl-imkejjen tal-Kullħadd jgħidu li Demicoli diġà għandu impjieg alternattiv lest fejn imur.
Fabian Demicoli għandu storja ta’ ħames snin f’media.link.
Minn ma’ Xarabank, Fabian Demicoli kien mar mal-midja tal-Partit Nazzjonalista bħala Kap tal-Aħbarijiet fl-2014 wara li Simon Busuttil kien laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Meta mbagħad Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista Demicoli tneħħa mill-Kap tal-Aħbarijiet u min hemm inħatar Kap tal-programmi.
Iżda, f’din il-kariga sab sitwazzjoni fejn kien isir biss dak li ried Pierre Portelli, li sa ftit ġimgħat ilu, kien Kap Eżekuttiv tal-midja Partit Nazzjonalista.
Fl-istess ħin Demicoli kien ingħata ’ċerti proġetti partikolari bħal produzzjonijiet fl-okkażjoni ta’ anniversarji ta’ Net Television u sehem attiv ħafna fil-maratoni ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda, issa anke minn dawn se jitlaq għax Demicoli sab impjieg lil hinn mill-Partit Nazzjonalista li bħalissa għandu tirrenja inċertezza enormi fost il-ħaddiema tiegħu.
Din il-ġimgħa Robert Arrigo mar jgħid fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalistali riżultat tal-inkwiet fil-PN intilfet il-maratona ta’ Ġunju u din jista’ jkollha konsegwenzi koroh fuq il-finanzi tal-partit.