B’referenza għal dak li deher illum fil-Mument dwar trattament ta’ resident partikolari fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-amministrazzjoni tal-Faċilità tagħmilha ċara li hija gidba assoluta u bla bażi, li fit-tmexxija tal-Faċilità tagħmel xi diskriminazzjoni abbażi ta’ twemmin politiku jew għal xi mottiv ieħor fil-konfront ta’ xi resident.
Il-Faċilità fakkret li l-operat tagħha huwa wieħed ta’ dixxiplina u sigurtà .
Filwaqt li mhijiex prassi li l-Faċilità tgħaddi dettalji dwar l-operazzjonijiet tagħha, tikkjarifika li fl-imsemmi każ, kien hemm attitudni suspettuża innotata mill-Uffiċjali Korrettivi f’waħda miż-żjarat ta’ dan l-istess resident li waslet lill-amministrazzjoni sabiex tieħu passi preventivi kif inhu d-dover tal-istess Faċilità.
Kjarifikat ukoll li mhux minnu li dan l-istess resident twaqqaf milli jkollu visti mill-membri tal-familja tiegħu, kif allegat. Filfatt il-faċilità qalet li huwa jkollu żjarat regolari.
Minħabba r-raġunijiet ta’ sigurtà msemmija, l-amministrazzjoni qalet li ħasset il-ħtieġa li tieħu passi preventivi u dawn iż-żjarat, għal perjodu temporanji qed ikunu fil-forma ta’ non-contact.
Fi stqarrija l-Faċilità qalet li “fir-rigward ta’ allegazzjoni mill-istess ġurnal li dan ir-resident kellu bdil taċ-ċella abbażi ta’ twemmin politiku, dan huwa falz ukoll. Hija proċedura normali li minn żmien għal żmien l-amministrazzjoni tal-Faċilità titrasferixxi residenti minn ċella jew diviżjoni għall-oħra bħala parti mis-sistema u proċeduri adottati ta’ sigurtà. Fil-każ tal-imsemmi resident, dan seħħ fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2016, wara inċident li seħħ f’Diviżjoni 2 u għall-raġunijiet għal sigurtà tiegħu stess ir-resident ġie trasferit għal diviżjoni oħra”.