Il-prodotti popolari tas-Sunshine Snacks qed jibdew isiru minn fabbrika ġdida fl-Imrieħel, b’investiment ta’ kważi €7 miljun li l-kumpanija Consolidated Biscuits għamlet f’pajjiżna.
Din il-fabbrika ġdida ġiet inawgurata llum mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.
Il-Ministru Schembri ddeskriva l-kumpanija bħala storja ta’ suċċess fl-industrija Maltija. Il-kumpanija Consolidated Biscuits għaqqdet partijiet interessati Maltin ma’ shareholders minn Trinidad fejn bdew jipproduċu gallettini f’pajjiżna 43 sena ilu. Maż-żmien, mal-linja ta’ produzzjoni, mal-gallettini u crackers żdiedu numru ta’ snacks popolari taħt l-isem ta’ Sunshine Snacks. Illum din il-kumpanija timpjega 150 ħaddiem u timporta lejn 25 pajjiż fosthom lejn il-Kanada, r-Renju Unit, il-Lebanon u l-Ġordan.
“L-investiment dirett barrani huwa wieħed mill-fatturi prinċipali tal-ekonomija tagħna, iżda biex nattiraw l-investiment barrani rridu noħolqu l-infrastruttura neċessarji fiż-żoni industrijali tagħna. Is-sena li għaddiet ħabbarna investiment ambizzjuż ta’ €470 miljun fl-infrastruttura industrijali tagħna u għal dan nirringrazzja lill-INDIS u Central Business District, kif ukoll lill-Malta Enterprise li mingħajr ix-xogħol u l-għajnuna li taw dawn it-tliet entitajiet illum ma konniex inkunu hawn,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Iċ-Chairman ta’ INDIS, Jean Pierre Attard qal li l-entità mhux biss tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji ġodda f’pajjiżna, iżda toffri appoġġ lill-kumpaniji stabbiliti bħal fil-każ ta’ Consolidated Biscuits li jkunu se jespandu biex jgħinuhom jilħqu l-għanijiet tagħhom. “F’dan il-każ partikolari riedna nallokaw sit viċin il-fabbrika eżistenti tal-Consolidated Biscuits, bl-infrastruttura neċessarja u li tkun torbot mal-politika tagħna li jista’ jsir aktar tkabbir b’mod vertikali milli orizzontali. Fl-aħħar xhur, bħala INDIS, komplejna bil-proġetti tagħna ta’ tisbiħ u modernizzar fiż-żoni industrijali tagħna,” żied Jean Pierre Attard.
Iċ-Chairman ta’ Consolidated Biscuits, Dr Alec Mizzi qal li din hija ġurnata importanti għall-kumpanija hekk kif qed ikomplu jaraw l-operat tagħhom jespandi fi spazju ġdid mgħammar b’tagħmir teknoloġiku għas-swieq tal-lum. Filwaqt li rringrazzja lid-diretturi u ħaddiema tal-kumpanija, rringrazzja wkoll lill-INDIS u Malta Enterprise tal-appoġġ li taw lill-kumpanija.