Balzan vs Zurrieq
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd mir-rawnd tal-aħħar 32 tal-IZIBET FA Trophy iltaqgħu Balzan u Zurrieq bit-tim mill-Kampjonat Premier Balzan joħorġu rebbieħa bl-skor ta’ 2 – 1.
Wara taqsima mingħajr goals, Balzan fil-vantaġġ fil-52 minuta b’goal skorjat minn Jake Grech. Għaxar minuti mit-tmiem Balzan irduppjaw permezz ta’ Manyluak Aguek bl-skor għalhekk isir 2 – 0. Tlett minuti mit-tmiem Zurrieq naqsu d-distakk permezz ta’ Christopher Mario Baker. Il-partita kienet ikkontrollata minn Daryl Agius.
Nadur Y. Vs Sirens
Fil-Gozo Stadium, Sirens kellhom jitħabtu sabiex għelbu lill-Nadur bil-partita tintemm 1 – 1 u kellhom jkunu l-għoti tal-penalties li eventwalment jwasslu lill-Sirens għar-rawnd li jmiss.
Nadur fil-vantaġġ permezz ta’ Marcelo Barbosa fil-31 minuta biex sal-ewwel taqsima r-riżultat kien dak ta’ 1 – 0. It-tim minn San Pawl il-Baħar ġabu d-draw fis-60 minuta permezz ta’ Bismark Asare biex sal-90 minuta l-partita baqgħet fid-draw ta’ 1 – 1 biex eventwalment kellhom jkunu l-penalties li jiddeċiedu l-konfront. Sirens rebħu 4 – 3. Alex Johnson ikkontrolla din il-partita.
Hibernians vs Qala
Fl-ewwel partita tal-Ħadd wara nofsinhar fic-Centenary Stadium Hibernians għelbu lill-Qala 2 – 0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima. Fil-55 minuta rebħu penalty, meta l-captain ta’ Qala, Emanuel Buttigieg, waqqa’ lis-sostitut u neo-akkwist Sime Zuzal fil-kaxxa. Mill-11-il metro, inkariga ruħu, il-captain tal-Pawlisti, Jurgen Degabrielle, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Attard in-naħa opposta. Fil-77 minuta t-tim minn Raħal Ġdid għamel ċert mill-kwalifikazzjoni b’freekick ta’ Giannis Bastianos li ma ta l-ebda ċans lil Attard.
Luqa St. Andrews vs Swieqi U.
Fl-ewwel logħba fil-Victor Tedesco Stadium il-Ħadd wara nofsinhar Luqa St. Andrews ġew megħluba 2 – 1 minn Swieqi United. Wara taqsima mingħajr goals, Swieqi fil-vantaġġ permezz ta’ Nicholas Pisani fil-63 minuta b’Federico Vasilchik jagħmilhom 2 – 0 fil-76 minuta. Luqa naqsu d-distakk fil-90 minuta permezz ta’ Chibuzor Lucky Nwaogu.
Il-partita kienet ikkontrollat minn Andrea Naudi.
Xewkija Tigers vs Gudja United
Fil-Gozo Stadium, ebda diffikulta għal Gudja United kontra Xewkija Tigers meta rebħulhom 3 – 0 bit-tlett goals jaslu fl-ewwel taqsima bil-partita tkun ikkontrollata minn Daniel Casha.
L-eroj tat-tim ta’ Gudja United kien Gianluca Zammit li irnexxilu jiskorja t-tlett goals tat-tim Malti.
Zammit bl-ewwel goal tiegħu fl-14 il-minuta u kwarta wara lis-stess plejer irnexxilu jagħmilhom 2 – 0. Sitt minuti qabel l-intervall u Gianluca Zammit irnexxilu isib ix-xibka għat-tielet darba f’din il-partita biex b’hekk għaqqad hat-trick personali.
Valletta vs Ghajnsielem
Valletta wkoll irnexxilhom jagħmluha mal-aħħar sittax tal-IZIBET FA Trophy meta fic-Centenary Stadium għelbu lill-Għawdxin ta’ Għajnsielem 7 – 1. Witta t-triq għar-rebħa Brandon Paiber bl-ewwel goal li jasal fil-19 il-minuta. L-Arġentin Federico Falcone irnexxilu jiskorja tlett goals wara xulxin. L-ewwel goal ta’ Falcone wasal fil-41 minuta u seba minuti wara lis-stess plejer jagħmilhom 3 – 0. Għajnsielem naqsu id-distakk fil-49 minuta għal 3 – 1 permezz ta’ Godwin Emmanuel. Falcone fl-54 minuta reġgħa fetaħ vantaġġ ta’ tlett goals bl-skor għalhekk isir 4 – 1. Zak Barbara skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flok belti fil-76 minuta biż-żgħażugħ Klose Azzopardi Tanti jkompli jkabbar il-vantaġġ favur il-lillywhites b’żewġ goals oħra lejn it-tmiem. Is-sitt goal ta’ Valletta wasal fil-80 minuta u 180 sekonda wara Azzopardi Tanti jissiġila r-rebħa, rebħa kbira ta’ 7 – 1. Ikkontrolla din il-partita Ishmael Barbara.