Tul dawn l-aħħar seba’ snin aktar minn 30,000 parteċipant bbenefikaw fil-programm Erasmus+. Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-konferenza dwar l-għeluq tal-programm ta’ fondi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-EUPA u Koordinatur Nazzjonali taż-żewġ Programmi Joseph Schembri spjega li mill-2014 ‘l hawn kien hemm investiment li qabeż il-ħamsa u ħamsin miljun ewro f’dawn iż-żewġ proġetti.
“Infaqna aktar minn 55 miljun. Bazikament ippartecipaw eluf ta’ nies. Dan mhux kollox għax għadna nistennew l-approvazzjoni ta’ aktar applikazzjonijiet li daħlu u qed jiġu pproċessati sal-aħħar ta’ din is-sena,” qal Schembri
Is-Segretarju Parlamentari aċċenna fuq il-benefiċċji li proġetti bħal dawn għandhom fl-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ.
Għaldaqstant, huwa saħaq li dawn il-proġetti jservu ta’ investiment fil-futur tal-pajjiż.
“Bi pjaċir ngħidu li lqajna aktar minn 700 porġett. Inħarsu ‘l quddief biex fis-snin li ġejjin naraw aktar proġetti u opportunitajiet oħra għaż-żgħażagħ.”
Zrinzo Azzopardi qal li issa hemm bżonn ta’ aktar investiment fil-Programm tal-Erasmus+ għas-seba’ snin li ġejjin, sabiex inkomplu nibnu fuq il-programm kurrenti, inżidu l-parteċipazzjoni ta’ aktar individwi, u nżidu l-proġetti inklussivi għal soċjetà aħjar.