“7 ijiem oħra nibdew it-triq lura lejn in-normalità.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika fl-Innovation Hub ta’ Għawdex u li kienet konformi mal-miżuri kollha tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Prim Ministru qal dan b’rabta mat-tilqima kontra l-Covid-19 u li ser tasal qabel iż-żmien f’pajjiżna.
“Wasalna qabel u l-għada tal-Milied fis-26 ta’ Diċembru se jasal il-vaċċin f’pajjiżna u l-għada nibdew inlaqqmu n-nies.”
Hawnekk il-Prim Ministru rrimarka d-differenza tar-realtà f’pajjiżna meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra bħall-Italja u l-Ġermanja fejn qed ikompli jikber in-numru ta’ mwiet u qed jiġu imposti “hard lockdowns.”
F’Malta qed ngħixu kważi n-normalità.
“Pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja issa qed titkellem dwar pajjiż Ewropew avvanzat li huwa l-ipprem eżempju, kellhom jgħalqu u aħna f’pajjiżna bqajna miftuħin u nsellem hawnekk lill-Awtoritajiet tas-Saħħa ta’ pajjiżna kollha, lill-edukaturi kollha ta’ pajjiżna. Dan mhux suċċess ta’ Gvern waħdu imma suċċess ta’ poplu.”
Madankollu l-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif xorta għandna nibqgħu nżommu mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa minkejja li dan il-poplu qed jgħix.
Il-Prim Ministru qal li Malta tinsab f’din is-sitwazzjoni grazzi għad-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern minkejja l-pressjoni mill-Oppożizzjoni biex pajjiżna jmur għal lockdown.
“X’kienet l-għajta ta’ min m’għandux il-ġid ta’ pajjiżna għal qalbu. Ġejtu l-agħar fl-Ewropa u kienu jagħmlu din in-narrattiva ,“F’Marzu u April kontu tajjeb tant fil-kontroll tal-pandemija u issa ġejna l-agħa fl-Ewropa.” Ġimgħat jgħidulna li ġejna l-mistħija tal-Ewropa,hekk kienu qalulna. Ara issa qatgħuha din in-narrattiva. Issa nweġibhom bil-kontra. Issa ngħidlhom, “Ġejna l-aqwa fl-Ewropa.”
Fakkar ukoll fil-kumitat magħmul fil-politiċi tal-Partit Nazzjonalista li baqa’ ma ħareġ l-ebda proposta għat-trażżin tal-Covid-19 f’pajjiżna.
Robert Abela rrimarka wħud mid-deċiżjonijiet li waslu għall-qgħada b’saħħitha li jinsab fiha pajjiżna bħalissa fosthom il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika u l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna fejn fih tħabbar it-tieni rawnd ta’ vouchers.
“Kif se nibdew Jannar? Kif bdejna Diċembru? €40 miljun investiti fin-negozji ta’ pajjiżna. Jannar flok bl-awsterità u bid-dwejjaq ħa nqassmu €50 miljun f’vouchers lin-nies.”
Il-Prim Ministru semma wkoll esperjenza partikolari fejn minkejja l-pandemija negozjant qallu li mhux talli ma kellux għalfejn ikeċċi lin-nies iżda kellu jżid aktar persuni jaħdmu miegħu.
“Ilbieraħ kelli ħabib tiegħi negozjant li għandu fabbrika li tagħmel strutturi tal-ħadid u bagħtli messaġġ. Qalli tiġi żżurna u r-risposta kienet, “Iva niġi mill-ewwel.” Qalli ħaġa waħda. Qalli, “Bdejna din is-sena b’40 impjegat illum għandna 90.” Insellimlu, bniedem magħruf Joseph Camilleri, E%L, kif insellem lil kull negozjant li wera kuraġġ waqt il-pandemija u baqa’ jinvesti. Hekk irridu aħna.”
Intant il-Prim Ministru semma l-ħidma tiegħu f’Summit tal-Kunsill Ewropew li kellu ftit tal-jiem ilu fi Brussell, li fost oħrajn trattat il-miri ambjentali.
“Nilħqu l-miri ambjentali u dan huwa l-aktar punt importanti bla ma nixtħu piżijiet fuq in-nies imma hemmek fejn verament int tkun tħobb lil pajjiżek fejn taħdem għal pajjiżek u biex taħdem għal pajjiżek trid tkun tħobbu.”
Semma wkoll il-ħidma tal-Gvern f’din l-aħħar ġimgħa fosthom it-tnedija tat-tieni Fibre Optic Cable bejn Għawdex u Malta.
Proġett li se jkompli jtejjeb il-kompettività u l-ħiliet tal-Gżira tat-3 Għoljiet.
Il-Prim Ministru kkonkluda li Gvern immexxi minnu se jibqa’ jwassal għal bidliet bla preċedenti favur Malta aħjar.
Bidliet xprunati mill-għarfien li kiseb dan il-Gvern mill-pandemija u mill-isfidi kollha li sab quddiem wiċċu matul din is-sena.
“Ma rridx firda f’dan il-pajjiż u dawn ix-xhur se jkunu kruċjali biex ngħaqqdu poplu wieħed nimxu ‘l quddiem u sakemm naslu għal Marzu u Mejju ngħidu li dawn ix-xhur li għaddejna minnhom vera kienu passat, ħadna t-tajjeb minnhom u tgħallimna peró iva ejja nħarsu ‘l quddiem ħalli dan b’sens ta’ ottimiżmu li kull wieħed u waħda minnha tant għandu lejn dan il-pajjiż Għawdxin u Maltin b’saħħitna ‘l quddiem u nawguralkhom Milied ħieni u sena mill-aqwa.”