S’issa sar xogħol għat-twettiq ta’ 76% tal-miżuri tal-manifest elettorali fi 3 snin ta’ Gvern Laburista.
Dan sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena. Dan ifisser li s’issa 312-il proposta twettqu fl-intjier tagħhom. Filwaqt li x-xogħol fuq 242 miżura jinsab fi stadju avvanzat. Dan hekk kif diġa qed jinħass l-effett pożittiv tagħhom mill-pubbliku.
Fl-anniversarju ta’ 3 snin ta’ Gvern Laburista ieħor, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela spjega li l-manifest elettorali ta’ dan il-gvern ma baqax fuq il-karta iżda kif dan il-Gvern ingħata mandat b’saħħtu ieħor bdew jitwettqu l-wegħdiet.
Fost il-miżuri mwettqa hemm dawk li juru l-impenn soċjali ta’ dan il-Gvern. Fosthom jekk wieħed jara l-firxa fuq it-tnaqqis tat-taxxa fuq is-sahra, rifużjoni tat-taxxa fuq id-dħul lill-ħaddiema kollha u eżenzjoni tat-taxxa lil studenti ta’ masters u dottorat fost l-oħrajn.
Il-pensjonanti raw żieda wara l-oħra fil-pensjoni, filwaqt li l-Gvern saħħaħ l-inċentivi lil min jixtri l-ewwel u t-tieni dar tiegħu.
Min joqgħod fil-kera ra regolamentazzjoni tal-kirjiet filwaqt li għaddej ġmielu x-xogħol fuq 1,700 appartament ta’ akkamodazzjoni soċjali.
Fl-istess ħin qed isir investiment ta’ 700 miljun ewro fuq il-bini u t-tranġar tat-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex.
Fil-qasam edukattiv ġie ffirmat il-ftehim kollettiv mal-unjin tal-għalliema biex l-edukaturi ingħataw żieda bla preċedent, filwaqt li l-istudenti ingħataw trasport u eżamijiet tal-Matrikola u s-SEC b’xejn.
Il-Ministru Abela nnota wkoll kif wieħed mill-aqwa servizzi tas-saħħa fid-dinja baqa’ b’xejn. Dan għalkemm kien hemm min qal fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li dan ma setax jibqa’ isir.
Dan filwaqt li ttejbet il-kura tal-mard tal-qalb, saru xogħlijiet fuq klinika f’Raħal Ġdid filwaqt li ssaħħaħ is-servizz tal-IVF
F’Għawdex infetħet depot għall-bdiewa u l-iskola medika ta’ Barts. Dan filwaqt li beda x-xogħol preparatorju fuq il-mina bejn Malta u Għawdex.
Issaħħu wkoll il-korpi dixxiplinati b’reklutaġġi u investiment b’saħħtu f’tagħmir modern. Tkabbar l-użu tat-teknoloġija fil-Qrati u qed isir xogħol biex isir trasferiment tad-dipartiment tal-kondotti mill-pulizija għall-ġustizzja.
Daħħlet ukoll il-liġi ta’ żwieġ indaqs u ingħata d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena. Bit-tibdil li sar ħatriet għolja fil-pajjiż tpoġġew taħt skrutinju biex b’hekk tkun imħarsa s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Il-Ministru Carmelo Abela stqarr li fl-ewwel erba’ xhur li dan il-Ministeru ġie mwaqqaf mill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm titjib ta’ mill-anqas tmienja fil-mija fir-rata ta’ twettiq tal-miżuri.
Huwa spjega kif il-fatt li fl-ewwel tliet snin diġa sar xogħol għat-twettiq ta’ iktar minn tliet kwarti tal-proposti tal-manifest elettorali juri r-rieda u l-impenn li għandu dan il-gvern biex ikompli jibdel il-ħajja tan-nies.
“ Finalment inkunu nistgħu nwettqu l-programm elettorali li jħalli aktar ġid għal dan il-pajjiż u li nkunu nistgħu b’wiċċna minn quddiem inmorru quddiem l-elettorat u ngħidulu isma aħna eleġejtna fuq dan il-programm elettorali, minnu wettaqna dawn il-proposti, illum qed tgħix aħjar u dik hija l-mira tagħna li aħna nkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies Maltin u Għawdxin.”