F’sitta u għoxrin xahar li fih ingħata l-Covid Wage Supplement, b’kollox ingħataw aktar minn 720 miljun ewro f’għajnuna, bil-Malta Enterprise tamministra madwar 7 miljun ewro fil-ġimgħa.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru responsabbli mill-Intrapriża, Miriam Dalli, li qalet ukoll li din l-iskema se tiġi estiża għax-xahar ta’ Mejju sabiex imbagħad titwaqqaf fl-aħħar tax-xahar.
Quddiem diversi rappreżentanti minn sħab soċjali differenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, ta rendikont tal-amministrazzjoni ta’ flus bħala parti minn din l-iskema.
Farrugia rrimarka kif mill-Covid Wage Supplement gawdew 120,000 impjegat jew persuna.
Fil-fatt, 71 fil-mija minn dawn kienu impjegati ta’ kumpaniji, 25 fil-mija kienu persuni li jaħdmu għal rashom, filwaqt li 4 fil-mija kienu persuni li jaħdmu f’organizzazzjonijiet volontarji u kooperattivi, fost oħrajn.
Mis-somma ta’ aktar minn €720 miljun li ħarġu bħala parti mill-Covid Wage Supplement, 75 fil-mija, jew madwar 531 miljun ewro, ħaduhom kumpaniji, 20 fill-mija jew 143 miljun ewro, ħaduhom persuni li jaħdmu għal rashom, filwaqt li 5 fil-mija, li huwa ekwivalenti għal 31 miljun ewro, ħaduhom organizzazzjonijiet volontarji u kooperattivi, fost oħrajn.
Kurt Farrugia ta rendikont ukoll tas-setturi li l-aktar li bbenefikaw mill-Covid Wage Supplement.
Qal, “30 fil-mija ta’ dawk is-€720 miljun marru għall-qasam tat-turiżmu, imma mbagħad ovvjament kien hemm is-settur tal-ħwienet tal-merċa, tal-ħwienet kollha, li għal perjodi ta’ żmien kienu magħluqin jew inkella kellhom joperaw b’ċerti restrizzjonijiet. Imbagħad kellek setturi oħrajn. Tajjeb wieħed isemmi l-manifattura, li ntlaqtet ukoll mill-pandemija, u anke setturi oħrajn bħall arti u l-kultura u l-isport, li jimxu b’mod professjonali u allura hemm il-pagi, u anke hemmhekk kien settur li assistejna.”
Intant, tfakkar ukoll kif il-Covid Wage Supplement ma kinitx l-unika assistenza li ngħatat tul il-pandemija.
Kurt Farrugia ta rendikont ta’ nfiq fuq skemi oħra tal-Malta Enterprise. Dawn jinkludu l-iskema l-iskema ta’ sussidju tal-kera, li fiha ntefqu 13-il miljun ewro, l-iskema tar-rifużjoni fuq il-kont tad-dawl, li fiha ntefqu 7 miljun ewro, l-iskema tal-liv tal-kwarantina, li fiha ntefqu 11-il miljun ewro, u l-iskema tat-teleworking, li fiha ntefqu aktar minn miljun ewro.
B’kollox din l-għajnuna, flimkien ma’ dik tal-Covid Wage Supplement, tammonta għal total ta’ 755 miljun ewro.
Min-naħa tagħha, il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża, Miriam Dalli, irringrazzjat lill-ħaddiema kollha involuti fl-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna. Fakkret li din l-għajnuna wasslet biex illum f’pajjiżna għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, bi prospetti ekonomiċi mill-aqwa.
Spjegat, “Il-miżuri tal-Covid qed jiġu rilaxxati. Dan qed jagħti wkoll nifs ġdid lin-negozji f’pajjiżna u, flimkien ma’ diskussjonijiet li kellna, flimkien mal-istakeholders u anke mal-unjins rajna li nistgħu nkomplu nestendu l-Covid Wage Supplement għall-aħħar darba kif inhu sal-aħħar ta’ Mejju. Għaliex imbagħad qed naraw li, minn Mejju ’l quddiem, l-irkupru tal-ekonomija tagħna se jibqa’ għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.”