Fi żmien għaxar snin, ir-rata tal-istudenti li telqu mill-iskola kmieni naqsu bi tmienja fil-mija.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Fl-2012, ir-rata ta’ dawk li telqu mill-iskola kmieni kienet iżjed minn 18 fil-mija, waqt li s-sena l-oħra din niżlet għal kważi 10 fil-mija.
Dan ifisser li r-rata ta’ dawk li telqu kmieni mill-iskola, jiġifieri ta’ 16-il sena, f’għaxar snin naqset bi 8 fil-mija. Minn din l-istatistika joħroġ li s-sena l-oħra, ir-rata ta’ dawk li telqu kmieni mill-iskola kienet l-inqas rata li qatt ġiet irreġistrata. Dan ifisser li aktar studenti qed ikomplu jistudjaw wara li tintemm l-iskola obbligatorja, jiġifieri sas-sekondarja.
Meta tqabbel ir-rata tas-sena l-oħra ma’ ta’ sena qabel, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ aktar minn nofs perċentwal.
Dan filwaqt li, fi statistika oħra tal-EUROSTAT ħareġ li, f’għaxar snin, kien hemm żieda ta’ aktar minn erbatax fil-mija f’dawk li għandhom bejn il-25 u l-34 sena li komplew l-iskola sa livell terzjarju.
Dawn l-istudenti jiggradwaw mill-Università, mill-MCAST, u mill-ITS, f’livell ta’ Diploma jew iżjed: Bachelors, Master’s, u Dottorat.
Is-sitwazzjoni kienet differenti sew għaxar snin ilu, meta t-total ta’ studenti li kienu jkomplu l-iskola kien ta’ ftit aktar minn 28 fil-mija.
Dan filwaqt li, is-sena l-oħra, ir-rata ta’ dawk li komplew l-iskola kienet ta’ aktar minn 42 fil-mija.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li r-rata ta’ pajjiżna għas-sena l-oħra taqbeż il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li kienet ta’ 42 fil-mija.
Is-sitwazzjoni ma kinitx l-istess fl-2012, hekk kif ir-rata ta’ pajjiżna kienet iktar baxxa mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista, ir-rata ta’ Malta kienet ta’ sitta fil-mija iktar baxxa mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li, għaxar snin ilu, Malta kienet sew taħt il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li s-sena l-oħra pajjiżna qabeż din l-istess medja.