Fuq perjodu ta’ għaxar snin, in-nies mhux Maltin li sabu impjieg f’pajjiżna kkontribwew b’iżjed minn €1.3 biljun f’taxxi lill-Istat.
Minn tagħrif li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, joħroġ li matul is-sena 2021 waħedha nġabru kwart ta’ biljun ewro f’kontribuzzjonijiet tat-taxxa minn persuni li kienu qed jaħdmu f’pajjiżna u li m’għandhomx ċittadinanza Maltija.
Din iċ-ċifra hi ħames darbiet aktar minn dak li kien dovut jitħallas mill-impjegati mhux Maltin fostna fl-2012.
Is-sekwenza taċ-ċifri elenkati għal kull sena tixhed ukoll kif kibret l-ekonomija nazzjonali wara l-bidla fil-Gvern fl-2013, waqt li r-ritmu ssaħħaħ iżjed wara l-2015.
Fil-fatt, minn dak iż-żmien sal-2019 kien hemm żieda annwali medja ta’ madwar €27.5 miljun, mentri ż-żieda medja annwali bejn l-2012 u l-2015 kienet ta’ €12-il miljun f’kontribuzzjonijiet simili tat-taxxa.
Fis-sena tal-pandemija, l-2020, anke jekk l-ekonomija nazzjonali ħadet daqqa minħabba r-restrizzjonijiet imposti, xorta kien hemm żieda ta’ ’l fuq minn €23 miljun f’taxxi minn ħaddiema mhux Maltin. Minkejja dan, l-akbar qabża f’tali kontribuzzjonijiet waslet fl-2021, meta kien hemm żieda ta’ €34 miljun fuq is-sena ta’ qabel, anke jekk konna għadna f’perjodu ta’ kriżi globali. Dan jindika mhux biss kemm l-ekonomija tagħna kienet mill-aktar reżiljenti f’dan iż-żmien ta’ sfidi, imma anke l-fiduċja f’pajjiżna.
Anke jekk il-Maltin u l-Għawdxin f’impjieg żdiedu f’faxex ta’ salarji aktar għoljin, l-indikazzjonijiet huma ċari li żdiedu wkoll il-ħaddiema mhux Maltin f’impjiegi ta’ livell tajjeb waqt li naqsu minn impjiegi b’pagi iżjed baxxi minn €15,000.