L-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna kabbret l-apprezzament tal-konsumatur Malti lejn il-prodott agrikolu lokali, hekk kif bosta qed iduru fuq il-bidwi Malti għall-ħxejjex li jkollu bżonn sabiex ikewwes xi platt tajjeb.
ONE News żar ir-raba’ taħt il-Manikata fejn hemmhekk sibna lil Clyde Camilleri, bidwi ta’ 28 sena li kien qed ilesti għall-ġurnata oħra ta’ ħidma.
Clyde saħaq li l-Maltin f’dawn iż-żminijiet qed jafdaw iżjed lil gabillott Malti u għalkemm il-prodott irid il-ħin tiegħu biex jikber, il-bidwi Malti żied kemxejn il-produzzjoni tiegħu biex ilaħħaq mad-domanda.
Caruana stqarr, “ Żidna naqra fil-produzzjoni. Qed naraw li forsi se jkun hemm aktar domanda, allura qed nippruvaw inżidu l-produzzjoni tagħna għad-domanda li tista’ tinqala’.”
Saħaq li min-naħa l-oħra l-għeluq tar-ristoranti u l-lukandi qed iwassal għal tnaqqis drastiku fil-qliegħ li jagħmel il-bidwi malti.
Kompla jgħid, “ Forsi l-klijent li jsajjar id-dar qed jixtri iktar għax qiegħed id-dar pero fl-istess ħin naqsu l-hotels, naqsu r-restaurants. Trid tqis dawk ukoll. Il-hotels u r-restaurants kienu jagħmlu parti kbira mid-domanda tas-settur, allura dik irridu nżommuha f’moħħna.”
Caruana spjega kif il-pitkalija wkoll ġew addottati numru ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra t-tixrid tal-Coronavirus. Fosthom qed ikun illimitat n-numru ta’ bdiewa li jidħlu jħottu x-xogħol f’daqqa. Dan għal ġid tal-bdiewa u tal-konsumatur li jmur biex jagħmel ix-xirja tiegħu.
Saħaq, “Il-bdiewa meta jidħlu l-pitkalija jilbsu l-ingwanti u l-maskli, Qed issir attenzjoni partikolari fuq il-ħasil tal-kaxxi, illi m’hemmx kaxxi li qed jidħlu maħmuġa allura qiegħdin jiġu iddiżinfettati sewwa. Kif ukoll, ix-xerrejja qed jinkoraġġuhom biex jibgħatu email u jagħmlu l-ordni tagħhom bit-telephone.”
Malcolm Borg, lettur tal-agrikoltura fl-istitut għax-xjenza applikata fl-MCAST spjega li bħalissa huwa ż-żmien li wieħed jibda japprezza l-mistjieri li qabel ftit li xejn kien jagħti kas l-importanza tagħhom.
Borg qal, “Il-bdiewa, r-raħħala, s-sajjieda li kienu qed jipprovdulna l-ikel, l-ikel frisk, u l-ikel li għandna kontroll fuqu. Aħna ma nafu qatt x’jista’ jiġri fil-pajjiżi li nimportaw l-ikel minnhom, ma nafux jekk hux se tibqa’ l-istess is-sitwazzjoni, ma nafu xejn. Li għandna kontroll fuqu huwa l-ikel li jiġi prodott Malta u allura naħseb anke strateġikament tajjeb li naħsbu u nirriflettu fuq l-essenzjalitá ta’ dan is-settur.”
Il-bidwi Clyde Caruana appella biex f’dan iż-żmien ikun apprezzat ix-xogħol tal-bidwi u ħadd ma jixtri iktar ħxejjex milli jkun se juża biex b’hekk ma jkunx hawn ħela.