Għal sena oħra, wasal iż-żmien meta l-iskeletri, is-sħaħar u l-fatati jieħdu l-ħajja fil-lejl tal-Halloween.
Din it-tradizzjoni bdiet aktar minn elfejn sena ilu mill-komunità Ċeltika fir-Renju Unit u l-Irlanda lejlet l-ewwel ta’ Novembru.
Dawn kienu jemmnu li f’dak il-lejl, il-mejtin jitħalltu mal-ħajjin, u biex jeħilsu mill-ispirti ħżiena, kienu jorganizzaw riċeviment kbir.
L-emigranti Irlandiżi ħadu magħhom din it-tradizzjoni fl-Istati Uniti, fejn il-Halloween kiber u nxtered mad-dinja kollha.
F’Malta, il-Halloween qabad sew però ħafna għadhom xettiċi.
ONE News tkellem mal-eżorċista Dun Stefan Attard, li qal li m’għandniex nimxu ma’ dak li ħoloq il-paganiżmu.
Irrimarka li m’hemm xejn ħażin li t-tfal imorru jiġbru l-ħelu, imma huwa ta’ periklu li nilagħbu mal-ispiritwalità tagħna.
“Id-dinja ta’ spiritiżmu illi fiha nnifisha ma tagħmilx ġid għax mhix mal-verità, fir-realtà mhix skont il-verità. Aħna nemmnu illi min imut imur jew il-Ġenna jew l-Infern prattikament. Ma nerġgħux niġu lura f’din id-dinja u allura qisu bla ma nkunu nafu qed inkomplu tradizzjoni antika illi bdiet fil-paganiżmu li tippromwovi realtà tal-mewt u tal-ħażen, nemmnu li l-ħażen huwa qawwi, il-knisja temmen li l-ħażen huwa qawwi. Nemmnu li Kristu rxoxta u ta ħajja ġdida lilna l-bnedmin lil dawk li jaċċettawh u allura din hija n-negattività dwarha.”
Mhux tal-istess fehma hija Marcele Bonnici, li torganizza diversi attivitajiet marbuta mal-Halloween.
“Prattikament ir-risposta hija faċli għax hija xi ħaġa purament ta’ divertiment. Bħalma hawn ħafna nies li jieħdu gost bil-Karnival, festi ta’ divertiment tal-Milied li issa dalwaqt qed joqrob u l-Easter. Hija sempliċiment attività li aħna konna norganizzaw kemm għall-kbar u kemm għaż-żgħar.”
Hija għamlet distinzjoni wkoll bejn it-tfal u l-adulti; b’dawn tal-aħħar għandu jkollhom sens biżżejjed li jiddistingwixxu bejn ir-realtà u l-fantasija.
Saħqet ukoll li l-psikoloġija tagħmel effett qawwi għal kif wieħed iħares lejn il-Halloween.