Il-Viżjoni Malta 2050 se sservi ta’ roadmap għall-25 sena li ġejjin.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fit-tnedija tad-dokument konsultattiv b’rabta mal-Viżjoni Malta 2050.
Din il-viżjoni, deskritta mill-Prim Ministru Robert Abela bħala eżerċiżżju uniku li se jħalli frott enormi, nibdet minn idea waqt il-pandemija, li żviluppat biex tieħu lill-pajjiż ‘l quddiem u tinfatam mill-mod tradizzjonali ta’ kif issir il-politika lil hinn mit-termini ta’ leġiżlatura.
Għalhekk, Dr Abela tenna kif din il-viżjoni se tkun prodott tal-poplu Malti u Għawdxi fejn il-Gvern ta’ biss linji gwida fuq liema binarji din il-viżjoni għandha taħdem, madanakollu l-politika se tkun waħda ta’ pajjiż sħiħ.
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif id-dokument ta’ din il-viżjoni huwa wieħed ħaj għall-fatt li qed tinkorpora fiha flessibiltà biex tkun tista’ twieġeb għal ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu minn żmien.

Dr Abela appella biex kulħadd jiġbed l-istess ħabel ħalli din il-viżjoni tkun tista’ titwettaq permezz tal-parteċipazzjoni ta’ għexieren ta’ msieħba minn kull qasam tas-soċjetà.
F’għeluq il-konferenza l-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-interventi varji li saru. Huwa żied jispjega kif din il-viżjoni tgħaqqad ma’ miri internazzjonali li pajjiżna jrid jilħaq sal-2050.
Hawn semma’ l-qalbiet diġitali u ambjentali, b’mod partikolari kif pajjiżna jista’ jisfrutta r-riżorsa tar-riħ minn fuq il-baħar.
Dr Abela ġabar dak kollu li tgħid din il-viżjoni fil-kelma ‘kwalità’ san apparti s-sens ta’ kburija li pajjiżna għandu għall-imgħoddi u li fuquu se tkun qed tibni din il-viżjoni.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-eduakazzjoni u l-fatt li din twassal għall-mobbiltà fuq il-post tax-xogħol bħala aspetti important li jistgħu jwasslu ‘l pajjiżna għall-miri meħtieġa.
Hawn tenna kif dan kollu jista’ jsir għaliex pajjiżna għandu pediment sod li minn fuqu jista’ jibni din il-viżjoni b’enfasi anki fuq il-mod ta’ kif il-progress jitkejjel. Is-saħħa wkoll kienet tema li ssemmiet mill-Prim Ministru li tkellem dwar kif din hija importanti fil-ħajja li wieħed jgħix ta’ kuljum.
Meta mistoqsi dwar l-implimentazzjoni fit-tul tiegħu, l-Prim Ministru tenna li din hija r-responsabbiltà tal-Gvern tal-ġurnata. Dan filwaqt li nnota kif din il-viżjoni saret ukoll bil-parteċipazzjoni tal-Oppożizzjoni flimkien mal-imsieħba soċjali. Kien hawn li Dr Abela stqarr kif dan id-djalogu se jkun qed ikompli sakemm jiġi ppubblikat id-dokument aħħari iżda anki wara. L-għan imbagħad ikun li d-dokument jinkorpora l-aspirazzjonijiet varji tan-nies.
Il-Prim Ministru tenna kif dan kollu jirrifletti politika ta’ reponsabbiltà u matura.
Dwar il-governanza tajba, Dr Abela nnota l-mod li bih il-progress se jkun qed jitkejjel permezz ta’ indikaturi li se jkunu pubbliċi. Apparti minn hekk, il-Prim Ministru enfasizza l-mod ukoll li bih din il-viżjoni se tkun implimentata permezz ta’ tim interministerjali.
Dr Abela imbagħad spjega l-ħsieb wara l-fatt li din il-viżjoni qed titellaq minn ġewwa l-gżira Għawdxija. Hu stqarr li dan juri kemm il-Gvern jemmen f’Għawdex biex ikompli jikseb suċċessi ekonomiċi bi kwalità tal-ħajja għolja.
Filwaqt li semma’ t-turiżmu b’mod partikolari għal Għawdex, il-Prim Ministru esprima x-xewqa tiegħu li Għawdex ikun destinazzjoni fih innifsu.
Dr Abela temm jispjega kif issa mistenni li din il-viżjoni tidħol f’fażi impenjattiva ferm biex il-ħolm tal-poplu Malti u Għawdxi jkun parti minn din il-viżjoni.