Waqt żjara li għamlet f’sezzjonijiet differenti fi ħdan Identity Malta fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli faħħret l-impenn tal-impjegati fis-servizzi differenti offruti minn din l-entità.
Fost is-sezzjonijiet li żaret kien hemm dik tal-passaporti, is-sezzjoni taċ-ċittadinanza, ir-reġistru pubbliku, riċerki, u l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP).Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tkellmet mal-ħaddiema u rrikonoxxiet il-fatt li fl-aħħar xhur l-entità esperjenzat żieda sostanzjali ta’ xogħol ġdid kawża tas-sitwazzjoni ekonomika preżenti, kif ukoll minħabba fatturi internazzjonali, fosthom Brexit. Dan wassal għal sfidi ġodda għall-250 impjegat ta’ Identity Malta.
Julia Farrugia Portelli ħabbret kif bħalissa għaddej eżerċizzju intern f’numru ta’ units ta’ Identity Malta fejn il-ħaddiema, permezz tal-kapijiet tagħhom, qed ikunu mistiedna jipparteċipaw fit-tiġdid u t-titjib tal-operat tal-entità biex din issir aktar effiċjenti.
Il-ħsieb hu li dan l-eżerċizzju jkun estiż ma’ stakeholders differenti li ta’ kuljum imissu ma’ din l-entità.
Jakkumpanja lis-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli kien hemm iċ-Chairman ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici.