Il-Port il-Kbir illum esperjenza l-ewwel eżerċizzju ta’ evakwazzjoni tal-massa li qatt sar fuq dan il-livell abbord vapur tal-passiġġieri. Din l-operazzjoni kienet organizzata minn Transport Malta abbord il-vapur tal-passiġġieri Costa neoRiviera, li huwa vapur li jifforma parti minn Costa Crociere.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li pajjiżna qed juri bil-fatti, li huwa ppreparat tajjeb ħafna fl-eventwalita’ ta’ inċident kbir fuq il-baħar, u dan juri kemm l-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna, f’dan il-każ Transport Malta, temmen f’dak li tisħaq dwaru, meta tpoġġi s-sigurta’ fuq il-baħar bħala prijorita’ fil-qasam marittimu.
Dan l-eżerċizzju involva 200 membru tal-ekwipaġġ tal-vapur, li fix-xenarju tal-eżerċizzju kienu “passiġġieri” li kellhom jiġu evakwati wara li saret sejħa ta’ emerġenza lir-Rescue Coordination Centre Malta.
L-eżerċizzju involva wkoll 300 persuna oħra minn entitajiet differenti, uħud minnhom b’mod volontarju. Dawn kienu jinkludu membri mill-Korp tal-Pulizija u mill-Forzi Armati, li hija l-awtorita’ responsabbli mill-evakwazzjoni ta’ persuni minn fuq il-baħar, il-Protezzjoni Ċivili, is-Soċjeta’ tas-Salib l-Aħmar u l-awtoritajiet tas-saħħa, b’mod speċjali l-Accident and Emergency Department.
Fl-eżerċizzju, numru ta’ persuni ġew ittrasportati lejn in-naħa l-oħra tal-port, f’Boiler Wharf fejn ingħataw l-ewwel assistenza medika u oħrajn li kienu “feruti” ttieħdu b’urġenza l-isptar b’ambulanzi.
Numru ta’ Pulizija dderiġew it-traffiku f’diversi punti strateġiċi bejn il-Port u l-Isptar Mater Dei. L-eżerċizzju, li beda minn kmieni filgħodu, jista’ jitqies li kien suċċess u dan minħabba li l-operat normali tal-awtoritajiet imsemmija baqa’ għaddej b’mod normali.











Il-Ministru Joe Mizzi, li flimkien ma’ uffiċjali għoljin barranin li kienu Malta bħala parti mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, segwa mill-qrib dan l-eżerċizzju, fakkar li Malta żammet l-impenn tagħha meta fil-bidu tal-Presidenza, qalet li se tagħti prijorita’ lis-saħħa u s-sigurta’ fil-qasam marittimu.
Il-policy advisor tal-Koordinatur Ewropew tal-Motorways of the Seas, Jose’ Antonio Laranjeira Anselmo, qal li din l-idea bdiet tiġi diskussa mal-Ministru Joe Mizzi madwar tliet snin ilu. Huwa faħħar lill-awtoritajiet Malti ta’ dan l-impenn. Żied jgħid li Malta diġa’ tat kontribut qawwi ħafna fil-Presidenza u dan l-impenn tal-lum ċertament li huwa apprezzat ferm biex issa, kull min iżur il-port tal-Belt Valletta, jaf li dan il-pajjiż relattivament żgħir, minbarra li għandu ħafna x’joffri, huwa ppreparat tajjeb ħafna għal kull eventwalita’ ta’ emerġenza. Huwa rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi u qal li kien bis-saħħa tiegħu, li d-diskussjonijiet li saru, illum kulħadd qed jara l-frott tagħhom.
Dan l-eżerċizzju, MALTEX-EVAC 2017, sar bħala parti mill-proġett PICASSO, parzjalment iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Connecting Europe Facilities Call tal-2015. Entitajiet oħra li taw is-sehem tagħhom kienu Tug Malta Ltd. u l-Malta Maritime Pilots.