Din il-ġimgħa, erbgħa u tletin uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettqu eżerċizzju ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ bħala parti mit-taħriġ tagħhom biex jagħmlu pass ’il quddiem fil-karriera għal grad ta’ surġent.
Qabel telqu għall-eżerċizzju, l-uffiċjali ltaqgħu f’Tunny Net fil-Mellieħa, fejn Michel Galea – l-uffiċjal ikkordina t-taħriġ, spjegalhom x’se jsir fl-eżerċizzju.
Wieħed wieħed, telgħu fuq id-dinghy u rħewlha lejn Kemmuna.
F’dan l-eżerċizzju, ħadu sehem uffiċjali minn żewġ taqsimiet tad-Dipartiment, li użaw id-dinghy l-ġdid f’ambjent kontrollat biex ikunu jistgħu jitgħallmu u jidentifikaw fejn jistgħu jtejbu l-operat.
Huwa sostna: “Kieku kien każ reali, normalment ikun iktar fast imma trid tagħtihom ċans u break biex waqt li qed naħdmu tinfurmahom fejn marru ħażin u fejn jistgħu jtejbu allura hekk ikun hemm dik is-sinerġija wkoll bejn żewġ sections – Maritime u tal-Art – fejn jistgħu jaħdmu flimkien, jaraw fejn hemm gaps biex intejbu l-operat tagħna fejn jista’ jkun.”
L-uffiċjal spjega li sforz il-bidliet fid-demografija ta’ Malta u fi sfond ta’ popolazzjoni li qed tiżdied, il-bżonnijiet jinbidlu wkoll u allura d-Dipartiment ħass il-bżonn li jibdel il-flotta tal-vetturi tal-baħar għaliex meta jiqdiemu, jirrikjedu aktar spejjeż biex jinżammu.
Galea kompla jfissrilna: “L-apparat li għandu jista’ jaħdem kemm bil-lejl u filgħodu għax għandu s-sistema ta’ flare, inkunu qed naraw il-lokazzjonijiet ta’ kollox, u għandna wkoll is-sistema ta’ infrared allura persuna li waqgħet il-baħar inkunu nistgħu nidentifikawha minn fuq id-dinghy u nagħmlu r-rescue tagħha.”
L-uffiċjal b’għoxrin sena fis-servizz qasam magħna l-aktar esperjenza li ħalliet timbru fuqu f’dawn iż-żewġ deċenji.
Huwa qalilna: “Naħseb l-iktar waħda li forsi tibqa’ ġo moħħi hija meta għamilna rescue fuq il-kollega tagħna stess. Dan kien sejjer jitfi xi karozzi ħdejn skip li kienu qabbduha u sfortunatament, il-kollegi tagħna kellhom accident fejn imbagħad kellna noħorġu aħna u kellna nagħmlu rescue fuq sħabna speċjalment wieħed li kien waqa’ l-baħar mill-art u kellna nagħmlulu sa mouth-to-mouth resuscitation biex erġajna ġibnieh.”