Speċjalisti prospettivi fil-qasam tal- mediċina se jkollhom iċ-ċans jagħmlu eżamijiet f’pajjiżna grazzi għal ftehim bejn il-Federazzjoni ta’ Kulleġġi Rjali ta’ Fiżiċisti fl-Ingilerra, l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għas-Saħħa, li kien iffirmat il-Ġimgħa filgħaxija.
B’hekk se jingħata nifs ġdid lis-suq medika lokali biex l-aħħar kapitlu qabel karriera twila għal dawn il-professjonisti, jingħalaq f’Malta. Dan kontra s-sitwazzjoni ta’ ftit taż-żmien ilu meta eżamijiet speċjalizzati bħal dawn kienu jsiru biss fl-Ingilterra.
Fost oħrajn it-tieni parti ta’ eżamijiet kliniċi, bħal PACES, se jsir f’Malta u jkun mifrux fuq ħames sessjonijiet differenti fuq tliet snin. Għal dan l-eżami partikolari diġa applikaw mija u erbatax-il tabib barrani. Il-Professur Stephen Montefort, dekan tal-fakulta tal- Mediċina se jkun responsabbli mill-eżamijiet għal dawn il-ħames snin li ġejjin.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar kif il-Federazzjoni Ingliża li tgħaqqad kulleġġi minn Londra, Glasow u Edinburgh, għandha reputazzjoni tajba fil-qasam mediku dinji, u issa rat opportunita unika fi gżiritna.
Opportunità li se tinħass ukoll minn professjonisti lokali li se jitħaltu ma’ kollegi barranin u jingħataw iċ-ċans javvanzaw fil-professjoni tagħhom. Fearne qal ukoll li Malta dejjem kellha reputazzjoni medika impekkabbli, li waslu għal ftehemiet mar-Royal College of Surgeons fl-Irlanda u fl-Iskozja, kif ukoll il-proġett il-kbir tal-iskola medika ta’ Barts. Kollha proġetti jew ftehemiet li qed jgħolli isem Malta fuq il-mappa medika dinjija.