Minn nhar it-Tnejn li ġej, fil-berġa klinika tal-Ħamrun, se jibda jsir servizz ġdid ta’ eżami għall-irġiel li għandhom iżjed minn 65 sena sabiex jaraw jekk għandhomx l-arterja prinċipali ta’ bejn il-qalb u r-riġlejn minfuħa.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li spjega li l-irġiel għandhom ir-riskju li jkollhom din il-kundizzjoni. Meta xi ħadd jiġrilu dan, ma jkollu l-ebda sintomu u meta din l-arterja tinfaqa’, dak li jkun imut f’temp ta’ minuti jew sigħat.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li bdew jintbagħtu l-appuntamenti lill-irġiel li għandhom ’il fuq minn ħamsa u sittin sena sabiex isirilhom ultrasound.
Jekk il-kundizzjoni tinqabad kmieni permezz ta’ dan l-eżami, l-individwu jsirlu intervent qasir u wara ġurnata jkun jista’ jkompli b’ħajtu b’mod normali.
Qal, “Il-mortalità ta’ operazzjoni ta’ persuna u li ssir l-operazzjoni fuqu, meta tkun għadha ma nfaqgħetx, anki tkun waslet biex tinfaqa’ imma tkun għadha ma nfaqgħetx, hija għaxar darbiet inqas milli kieku nagħmlu operazzjoni fuq xi ħadd illi tkun infaqgħetlu din l-Aortic Aneurysm. Jiġifieri, waqt li l-mortalità wara ruptured Aortic Aneurysm hija ta’ 50 fil-mija, il-mortalità wara operazzjoni fuq intact Aortic Aneurysm hija 5 fil-mija.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif l-eżami huwa wieħed qasir li jieħu ftit minuti, iżda jista’ jsalva l-ħajjiet. Ir-riżultati joħorġu ftit tal-ħin wara.
Huwa qal li dan is-servizz bla ħlas se jibda jingħata mill-berġa tal-Ħamrun u mbagħad jibda jingħata wkoll f’bereġ oħra fil-ġimgħat li ġejjin.
Qal kif, “Qed nikkalkulaw illi kull sena, grazzi għat-tim tal-Professur Cassar u l-istaff kollu li għandna jaħdmu miegħu, inkunu qegħdin insalvaw bejn ħames u għaxar ħajjiet fis-sena. Bejn ħames u għaxar ħajjiet fis-sena, grazzi għal dan l-iscreening li se jibda minn nhar it-Tnejn. L-iscreening se jsir fiċ-ċentri madwar Malta u Għawdex, jiġifieri mhux fl-isptar, imma fil-bereġ.”
Id-Deputat Prim Ministru appella biex meta wieħed jirċievi appuntament sabiex imur jagħmel dan l-eżami, ma jinjorahx għax jaf isalvalu ħajtu.