Aktar minn 200 student tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, se jipparteċipaw f’EXPO virtwali ta’ jumejn dwar ir-riċerka rilevanti għall-industrija. Dan anke hekk kif il-Kulleġġ qed jipprepara ukoll biex iniedi l-ewwel programm ta’ dottorat professjonali.
Tul dawn il-jumejn mistennija jiġu ppreżentati l-proġetti ta’ 40 student u 96 riċerkatur mis-sitt istituti tal-Kulleġġ.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li fetaħ il-konferenza, qal li dan se juri x-xogħol sinifikanti ta’ riċerka u innovazzjoni li qed isir minn riċerkaturi tal-MCAST. Hawn żied jgħid li l-kulleġġ jinsab fuq quddiem fl-innovazzjoni, u kien wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet li nieda l-Istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Alex Rizzo, id-Deputat Prinċipal responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, spjega li l-proġetti ta’ riċerka tal-MCAST ikopru diversi oqsma, bħax-xjenza applikata għall-inġinerija, arti kreattiva. Kull proġett ġie ppreżentat f’ambjent ta’ kampus virtwali b’mod interattiv.
Il-parteċipanti se jingħaqdu fl-EXPO permezz ta’ avatars, u se jippreżentaw xogħolhom skont l-erba’ temi tal-Expo, li huma t-teknoloġija emerġenti u innovazzjoni kreattiva, il-ġid soċjali, l-isport u saħħa, il-pedagoġija ta’ kwalità u tagħlim effettiv, u s-sostenibbiltà ambjentali u kulturali.
“Nemmen li hawn xogħol tajjeb ħafna, u qed naraw 150 proġett ta’ riċerka u saret din l-EXPO biex jiġi spjegat ix-xogħol importanti ħafna li sar. Aħna rridu nkomplu naħdmu u nimbuttaw ir-riċerka vokazzjonali mhux biss mil-lat vokazzjonali jew akkademiku imma anke bħala applikabilità fl-industrija.”