Il-partit ta’ Giorgia Meloni, ‘Fratelli d’Italia’ ġab l-aktar ammont ta’ voti fl-elezzjoni fl-Italja, li saret matul il-jum tal-Ħadd.
Dan skond l-exit polls li ġew ippubblikati, hekk kif intemmet il-votazzjoni, għall-ħabta tal-11 ta’ filgħaxija.
Fl-elezzjoni tal-Ħadd, il-Partit ta’ Meloni ġab madwar 26% tal-voti.
B’dan se jfisser li l-Italja se jkollha l-ewwel Prim Ministru li hija mara.
Giorgia Meloni għandha 45 sena u ħolqot il-partit tagħha fl-2012.
Dan il-partit huwa kkunsidrat bħala partit tal-lemin estrem, għalkemm Meloni qalet li qed tagħti s-sapport tagħha lejn l-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja.
Il-Partit ta’ Giorgia Meloni fil-formazzjoni tiegħu nħoloq mill-moviment li nħoloq mill-Partit Faxxist ta’ Benito Mussolini.
F’din l-elezzjoni, il-koalizzjoni tal-partit tal-Lemin ġabu madwar maġġoranza ta’ madwar 45%.
F’din il-koalizzjoni flimkien mal-partit ta’ Meloni, hemm ukoll il-partit tal-‘Lega Nord’, li huwa mmexxi minn Matteo Salvini u l-partit ‘Forza Italia’ tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Wara l-partit ta’ Meloni ġie l-Partit Demokratiku tal-eks Prim Ministru Enrico Letta, li ġab madwar 21% tal-voti.
Dawn l-elezzjonijiet ġraw wara li Mario Draghi rriżenja minn Prim Ministru, f’Lulju li għadda. Din l-elezzjoni saret f’nofs il-kriżi internazzjonali tal-gwerra fl-Ukrajna li wasslet għal żieda kbira fil-kontijiet tal-enerġija.
It-turnout f’din l-elezzjoni kien wieħed baxx, hekk kif kien jammonta għall-inqas minn 65%.