Skont l-exit polls, il-President Franċiż Emmanuel Macron ġab il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni Presidenzjali fi Franza.
Skont dawn l-ewwel indikazzjonijiet, Emmanuel Macron kiseb 58.2% tal-voti.
Dawn l-ewwel indikazzjonijiet mill-midja Franċiża ħarġu, hekk kif il-votazzjoni għalqet fit-tmienja ta’ filgħaxija tal-Ħadd.
Dan ir-riżultat ifisser li Emmanuel Macron mistenni jkun il-President Franċiż għal ħames snin li ġej. Macron se jkun l-ewwel President Franċiż mill-2002 wara Jacques Chirac li se jkun f’dan l-irwol għat-tieni leġiżlatura.
Skont dawn l-ewwel indikazzjonijiet, il-President Franċiż naqqas il-voti meta mqabbel mal-elezzjoni Presidenzjali ta’ ħames snin ilu. Dan hekk kif fl-elezzjoni ta’ ħames snin ilu, Macron kien ġab iż-żewġ terzi tal-voti kontra l-isfida tal-istess Marine Le Pen.