Fir-Renju Unit, il-Partit Laburista, immexxi minn Keir Starmer, rebaħ l-elezzjoni ġenerali li saret il-Ħamis bl-akbar maġġoranza.
B’dan ir-riżultat ifisser li l-Partit Laburista se jirritorna f’10 Downing Street wara erbatax-il sena ta’ Gvern Konservattiv u Keir Starmer se jkun il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit. Dan hekk il-Partit Laburista se jkollu 410 siġġijiet fil-House of Commons.
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Malti Robert Abela awgura lill-Partit Laburista Brittaniku u qal li jħares ’il quddiem li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
B’dan ir-riżultat ifisser li l-Partit Laburista se jkollu l-maġġoranza assoluta fil-Parlament Brittaniku. Dan hekk kif biex partit ikollu l-maġġoranza fil-Parlament f’dan il-Parlament irid ikollu 326 siġġu jew aktar.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Starmer qal lil folla ta’ partitarji li, b’dan ir-riżultat, “tneħħa l-piż minn fuq spallejn dan il-pajjiż grandjuż u nistgħu nħarsu ’l quddiem mill-ġdid.”
F’din l-ewwel elezzjoni wara l-pandemija u wara l-ħruġ formalment tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Partit Konservattiv, immexxi minn Rishi Sunak, kiseb 131 siġġu, l-akbar telfa għall-Partit Konservattiv.
Din ir-rebħa Laburista fir-Renju Unit hi viċin tar-rebħa kbira li kien għamel Tony Blair fl-elezzjoni ġenerali tal-1997 fejn kien kiseb tmin siġġijiet aktar minn Starmer. Dakinhar il-Partit Laburista għeleb lill-Partit Konservattiv ta’ John Major, li kien fil-Gvern.
Skont ir-riżultat, il-Partit tad-Demokratiċi Liberali se jkollu 61 siġġu, waqt li l-Partit Reform UK ta’ Nigel Farage ġab 13-il siġġu fil-House of Commons.
Xi ħin matul il-jum tal-lum stess, Starmer imur Buckingham Palace biex jiġi appuntat Prim Ministru mir-Re Karlu III, formalità fil-monarkija Britannika. Sadanittant Rishi Sunak u l-familja tiegħu jħallu 10, Downing Street, ir-residenza u l-post fejn jaħdem uffiċjalment il-Prim Ministru, waqt li kif trid it-tradizzjoni ġeneralment iħalli nota żgħira fejn jawgura lis-suċċessur tiegħu.
Starmer u l-familja tiegħu jidħlu fil-post ftit wara, waqt li jindirizza lin-nazzjon minn quddiem ir-residenza fl-ewwel messaġġ uffiċjali.