Libjan ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar, inżamm arrestat wara li tressaq il-qorti għax kellu fil-pussess tiegħu sikkina li bil-manku b’kollox hija twila 60 ċentimetru.
Mohammed Abdalla Eljemni li fil-Libja kien jaħdem suldat taħt l-armata tal-eks mexxej Gaddafi, ġie arrestat fis-siegħat bikrin tas-Sibt filgħodu meta pprova jaqla’ l-inkwiet fi stabbiliment tad-divertiment u kien irrapurtat ukoll li prova iħebb għal security li kien fl-istabbiliment.
Huwa kien akkuzat ukoll li kiser l-ordni u l-paċi pubblika.
L-avukat tal-għajnuna Legali Noel Bartolo talab sabiex l-akkuzat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qal li l-akkuzat kien qiegħed iġorr is-sikkina wara li sabha barra u flok mar id-dar, kompla jiddeverti f’Paceville.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li f’dan il-kaz hemm numru ta’ xhieda li se jixhdu f’dan il-kaz. Filwaqt li ladarba kien jaħdem suldat taħt l-armata tal-eks mexxej Gaddaffi, huwa jaf juza l-armi.
Il-libjan wieġeb mhux ħati tal-akkuzzi fil-konfront tiegħu. Bil-Maġistrat Doreen Clare ma tagħtux il-ħelsien mill-arrest.