Il-Manchester United Supporters’ Club ta’ Malta qed jiċċelebra l-65 sena mit-twaqqif tiegħu fl-1959. Imwaqqaf sena wara t-traġedja tal-ajru ta’ Munich, MUSC Malta huwa rikonoxxut bħala l-eqdem Manchester United Supporters’ Club fid-dinja, inkluż ir-Renju Unit.
Bħala parti mill-programm ta’ avvenimenti biex jiġi ċċelebrat dan it-tragward storiku, MUSC Malta se tkun qed iġġib tim ta’ eks plejers ta’ Man Utd taħt l-isem Manchester Reds biex jilagħbu logħba ta’ ħbiberija kontra tim magħmul minn plejers veterani Maltin li lagħbu għat-tim nazzjonali tal-futbol.
Il-logħba se ssir fis-Centenary Stadium nhar il-Ħamis 13 ta’ Ġunju, tibda fis-7.30 pm. Il-line up ta’ l-ex plejers tal-United se tinkludi lill-plejers leġġendarji Jaap Stam u Ronny Johnsen, li kienu d-duo difensiv ċentrali fl-istaġun indimentikabbli għall-partitarji tal-United f’ 1998/99, l-istaġun tat-Treble. Stam lagħab ukoll għal Lazio u AC Milan. L-iskwadra se tinkludi wkoll eks plejers prominenti oħrajn bħal Lee Sharpe u David May. Se jkun hemm plejers leġġendarji oħra ta’ Man Utd f’Malta li madanakollu mhux se jkunu fl-iskwadra, fosthom Brian Kidd, Sammy McIlroy, Martin Buchan Lou Macari u Steve Coppell.
Il-biljetti għal-logħba se jkunu disponibbli mis-Supporters’ Club u mis-sit elettroniku tal-MFA fil-ġranet li ġejjin.
Il-logħba hija parti minn numru ta’ avvenimenti li qed jorganizza s-Supporters’ Club f’dik il-ġimgħa, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex.