L-ex Kappillan ta’ Santu Wistin Deo Debono ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi ta’ erba’ snin wara li wieġeb ħati ta’ diversi akkużi marbuta ma’ serq ta’ oġġetti sagri minn żewġ kunventi fil-Belt.
Fil-Qorti nstema’ kif f’dan il-każ il-Patri Agostinjan ma ħa xejn minn dak misruq għalih personali u li huwa għamel dan minħabba li kien qiegħed jiġi rrikattat minn terzi persuni.
Fil-fatt, minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li l-bħalissa l-Pulizija qiegħda tipprova tistabbilixxi min kienet din il-persuna jew persuni li bdew jirrikattaw lill-patri sabiex jitressqu wkoll quddiem il-ġustizzja.
Liebes il-kullar, il-patri ta’ 36 sena wieġeb ħati għal tliet akkużi minn erbgħa li jinkludu serq ta’ ċensier u navetta mll-kunvent ta’ Santa Katerina, li fuq diversi jiem seraq diversi kwadri antiki mill-kunvent ta’ Santu Wistin u li tul din is-sena għamel użu minn oġġetti foloz bil-għan li jiġu ingannati persuni terzi. Dawn l-inkwatri nbiegħu lil persuna oħra bil-valur ta’ €9,500.
Mal-ewwel ammissjoni tiegħu, il-Maġistrat Ian Farrugia fakkar lill-patri li r-reat kien serju u li jġib miegħu sentenza ta’ ħabs konsiderevoli.
Għalhekk huwa reġa’ tah iċ-ċans sabiex jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu. Madankollu l-qassis reġa’ wieġeb li huwa ħati.
Għal xi ħin sabiex jiġi protett l-imputat, il-kawża kompliet wara bibien magħluqa. F’dan il-każ il-Maġistrat spjega d-deċiżjoni tiegħu li l-iskop tal-Qorti huwa li tasal għall-ġustizzja u mhux li tumilja lill-akkużat.
Preżenti wkoll fl-awla kien hemm Dun Leslie li aktar tard ħareġ li huwa ta l-maħfra inkundizzjonata lil Dun Debono. Din kienet ukoll fattur li wasslet sabiex tinagħta sentenza sospiża.
Debono kien ordnat ukoll iħallas lura d-€9,500 lil persuna li xtrat il-pitturi mingħandu. Fid-digriet tiegħu l-Maġistrat ta wkoll struzzjonijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirrilaxxa l-oġġetti misruqa li kienu ġew irkuprati kollha lill-komunitá Agostinjana fil-Belt.
L-aħbar tal-arrest ta’ Fr Debono kienet ħasdet lill-komunitá Agostinjana fil-Belt hekk kif Debono kien persuna maħbuba ferm mill-komunitá. Filfatt din l-aħbar wasslet ukoll biex titħassar il-festa ta’ Santu Wistin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino u Jeffrey Scicluna.
http://www.one.com.mt/2019/09/19/tithassar-il-festa-esterna-ta-santu-wistin-fil-belt-wara-allegazzjonijiet-fil-konfront-tal-eks-kappillan-1/
http://www.one.com.mt/2019/09/19/titkellem-oht-patri-deo-debono-li-tnehha-minn-kappillan-se-nibqa-mieghu-u-fiducjuza-li-se-tohrog-il-verita/