Illum jiltaqgħu fi Bratislava l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel laqgħa wara d-deċiżjoni Brexit u laqgħa f’mument fejn qed jingħad li hemm wisq diviżjoni bejn il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan is-summit informali huwa maħsub biex il-mexxejja jibdew jieħdu pożizzjonijiet komuni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, l-immigrazzjoni u l-ekonomija.
Wara li f’Ġunju li għadda r-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba l-Unjoni Ewropea bdiet tiffaċja realtà fejn se tiċkien u mhux tikber bl-ikbar sfida hi li ċ-ċittadini fil-pajjiżi l-oħra jkunu konvinti li l-blokk ekonomiku u politiku jibqa’ wieħed li huwa meħtieġa għall-ġid komuni.
“Wara Brexit l-uniku ħaġa li tagħmel sens hi li nagħmlu analiżi onestà tas-sitwazzjoni,” qal Tusk ilbieraħ filgħaxija.
Is-sena d-dieħla jkun iċċelebrat is-sittin sena mit-Trattat ta’ Ruma. Iżda, għad mhux magħruf f’liema sfond se jsir dan b’elezzjonijiet fi Franza, il-Ġermanja u l-Olanda jistgħu jaraw partiti li ftit li xejn għandhom għal qalbhom l-Unjoni Ewropea jissaħħu fil-popolarità.
Angela Merkel, il-kanċillier tal-Ġermanja li qed tiffaċja daqqa fil-popolarità, qalet li l-Unjoni Ewropea għandha turi li hi kapaċi tirreaġixxi għan-nuqqasijiet tagħha. Dan b’mod partikolari b’referenza għall-kontroll tal-fruntieri li kienet waħda mir-raġunijiet li Merkel qed tiffaċja kritika f’pajjiżha.