Id-dilemma ta’ stati membri żgħar fil-periferija tal-UE bħal Malta, Ċipru, l-Irlanda u d-Danimarka hija li waqt li hu fl-interess tagħhom li l-UE tissaħħaħ fil-qasam tas-sigurta’ u fl-evażjoni tat-taxxa, dawn l-istati iridu jkomplu jħarsu s-sovranita’ tagħhom biex jiżguraw kontroll fuq it-tmexxija nazzjonali tal-oqsma ewlenin f’pajjiżhom.
“Huwa fl-interess tal-istati membri kollha li l-UE tissaħħaħ, iżda jekk ikun hemm Ewropa federali il-vuċi ta’ dawn il-pajjiżi tkompli tintilef.”
Dan qalu Alfred Sant Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropea f’laqgħa pubblika fil-Qawra bit-tema ‘Il-Futur tal-Ewropa’ li matulha wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalista Manuel Micallef.
Dr Sant qal li t-theddida riċenti tat-terroriżmu fl-Ewropa wriet li jridu jissaħħu l-istrutturi fiż-żona Xengen.
“Diġa’ kellhom jiddaħħlu kontrolli li ma kinux jeżistu qabel bejn fruntieri fiż-żona Xengen minħabba l-biża’ tat-terroriżmu. Waħda mill-proposti hija li jkun hemm struttura simili għal dik tal-FBI fl-Istati Uniti biex tiżgura li t-terroristi ma jabbużawx miż-żona Xengen. Huwa fl-interess ta’ Malta li tkun imħarsa ż-żona Xengen biex ikun aktar faċli għat-turisti li jaslu f’pajjiżna.”
Dr Sant qal li fil-Kummissjoni Ewropea qed jissaħħu l-argumenti favur sistema li tarmonizza t-taxxi fl-istati kollha membri.
“Huwa fl-interess nazzjonali ta’ stati membri bħal Malta li jkollhom is-sovranita’ fuq is-sistemi ta’ tassazzjoni f’pajjiżhom. Dak li jaqbel għal stati kbar bħal Ġermanja u Franza mhux neċessarjament jaqbel għall-istati membri fit-tarf tal-Ewropa. Ma tistax tlibbes żarbun wieħed lill-istati kollha membri fuq il-ġbir tat-taxxi.”
Dr Sant qal li l-ekonomija tal-UE illum irpiljat, il-livelli ta’ investimenti jinsabu fil-livelli ta’ qabel 2008 u l-qgħad beda jinżel. Minkejja dan qed jiżdied il-prekarjat fl-Ewropa, iċ-ċittadini qed jibżgħu mill-immigrazzjoni u t-terroriżmu u qed jiżdied il-populizmu madwar l-Ewropa.
“Qed ikomplu jiżdiedu d-diverġenzi bejn reġjuni differenti tal-Ewropa. Dawn id-diverġenzi jridu jiġu indirizzati għax f’reġjuni partikolari inkluż fil-Lvant tal-Ġermanja hemm ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li qed ħossuhom emarġinati.”
Dr Sant qal li l-ewro trid tkun imsaħħa u bħalissa m’għandhiex l-istrutturi kollha biex titmexxa.
“Il-problema hi li biex tkompli tissaħħaħ l-ewro qed tkun proposta sistema federali li awtomatikament ifisser li l-istati membri jkollhom iċedu s-sovranita’ tagħhom f’dal-qasam.”
Dr Sant qal li Malta trid tkompli ssegwi l-iżviluppi fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-Brexit.
“Ir-Renju Unit kien jikkontribwixxi –tieni l-akbar parti tal-Bagit tal-UE wara l-Ġermanja.
Bħala Maltin Irridu nanalizzaw kif nistgħu nintlaqtu mill-Brexit. Se jkun hemm fatturi posittivi u fatturi anqas posittivi fil-qasam tal- investmenti, fil-edukazzjoni u fil-qasam tal-pensjonijiet. Irridu naraw kif se jintlaqtu l-istudenti u l-pensjonanti Maltin wara d-divorzju bejn ir-Renju Unit u l-UE”.
Dr Sant qal li l-Ewropa trid tikkonsidra xenarji ġodda internazzjonali fit-tfassil tal-futur tagħha. fosthom l-atteġġjament ġdid tal-politika Amerikana ta’ Trump, is-sorsi ta’ instabbilita’ li inħolqu bil-vojt ġeo-politiku bit-tneħħija ta’ Gaddafi, il-fenomenu tal-immigrazzjoni mill-Mediterran ċentrali u tal-Lvant, il-kompetizzjoni strateġika bejn l-UE u r-Russja u r-relazzjonijiet mat-Turkija.
“Dawn l-oqsma kollha se jinfluwenzaw u jiddeterminaw il-futur tal-UE,” saħaq Alfred Sant.