Il-Parlament Ewropew approva r-rapport ‘Il-Kolonni Ewropej għad-Drittijiet Soċjali’ li joħloq qafas għall-kundizzjonijiet diċenti fis-settur tal-impjiegi fil-pajjiżi taż-żona Ewro.
Ir-rapport, immexxi minn Maria-Joao Rodrigues, jidentifika numru ta’ prinċipji meħtieġa u li huma komuni għall-istati membri taż-żona ewro. Ir-rapport jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-isfidi fil-qasam tax-xogħol u l-politika soċjali.
L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant, li vvota favur ir-rapport, qal li filwaqt li l-metodi li huma proposti jridu jkunu applikati tul l-UE kollha, ma jfissirx li l-implimentazzjoni tagħhom għandhom ikunu armonizzati fl-istati membri li għandhom karatteristiċi ekonomiċi u soċjali differenti.
L-MPE qal li l-parti l-kbira tal-applikazzjoni tagħhom se tkun f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali – huma se jiddeterminaw meta u kif se jkunu applikati fil-kuntest tal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali li dejjem qed jinbidlu fi ħdan il-komunitajiet tagħhom.
Sant qal li r-rapport jitratta l-oqsma kollha tal-politika soċjali. “Irridu nfasslu l-prijoritajiet fuq il-liġijiet tax-xogħol u s-sigurta’ soċjali; l-edukazzjoni; il-pensjonijiet. Ir-realta’ hi li l-prinċipji li qed jiggwidaw it-tmexxija tal-ekonomija fl-UE huma, bħala parti mill-politika Ewropea, marbuta mal-perspettiva neo-liberali. B’mod speċjali fiż-żona ewro, dan wassal għal deċiżjonijiet li jpoġġu t-toqol soċjali tal-istrateġiji ekonomiċi fuq il-ħaddiema u dawk li jifilħu l-anqas. Dan jikkontradixxi bi kbir dak li kien ikkunsidrat bħala il-mudell soċjali Ewropew. Għalhekk wieħed issa jiddubita kemm wiegħda Ewropea favur id-drittijiet soċjali se tkun segwita matul is-snin.” argumenta Alfred Sant.