Il-poplu Malti u Għawdxi għandu l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar għaxar snin u fil-Forzi Armati ta’ Malta minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern hekk kif kwota rapport tal-Ewrobarometru.
Fil-fatt l-istudju kkummisjonat minn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea juri fiduċja ta’ 69% fil-Pulizija, li jfisser qabża ta’ 15% fuq ir-rapport preċedenti tal-Ewrobarometru.
Dan filwaqt li fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm fiduċja ta’ 80% jiġifieri żieda ta’ 8% fuq l-istudju ta’ qabel.
Dan ir-riżultat ifisser li Malta tinsab mal-medja Ewropea meta tiġi għall-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li l-fiduċja fl-Armata tiżboq il-medja Ewropea b’9%.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri saħaq li dan l-istħarriġ huwa konferma li l-poplu qed japprezza aktar l-irwol u l-impenn tal-korpi dixxiplinarji biex jagħtu servizz aħjar liċ-ċittadini.
B’rabta mal-Korp tal-Pulizija, il-Ministru Camilleri fost oħrajn fakkar fil-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, li jkopri tlett kwarti tal-pajjiż, li wassal biex mis-sena l-oħra sal-lum, ir-reati naqsu bi kważi 7%.
Il-Ministru Byron Camilleri nnota ukoll kif fil-Forzi Armati ta’ Malta kompla għaddej xogħol qawwi ta’ investiment fl-għodda u l-apparat użat mill-membri tal-FAM. Dan ukoll qed iwassal sabiex il-ħaddiema jkunu mħarrġa aħjar. Fuq kollox sar investiment fil-ħaddiema fejn bi €8.2 miljun iżjed fis-sena, is-suldati qed jaraw titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid kif dan ir-rapport jikkonferma kemm it-tiġdid fil-Korpi Dixxiplinarji qed iservi sabiex in-nies qed jafdaw aktar lill-forzi tal-ordni, għalhekk sostna li l-impenn tal-Gvern huwa li tibqa’ tingħata l-għodda u r-riżorsi biex il-forzi tal-ordni jibqgħu jaħdmu favur is-sigurtà tan-nies.