Bħalissa, 75 fil-mija tal-Maltin qalu li l-affarijiet f’ħajjithom sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Dan ħareġ mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, sena qabel ma ssir l-elezzjoni biex teleġġi l-Membri Parlamentari Ewropew. Fih ħadu sehem aktar minn 26,000 persuna.
Fir-riżultati ppubblikati, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq ir-rata ta’ pajjiżi akbar minn Malta, fosthom il-Ġermanja, Franza, u l-Italja, u anki r-rata medja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li l-Maltin huma aktar sodisfatti mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Gvern ta’ pajjiżhom quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Il-Gvern Maltin investa biljun ewro, is-sena l-oħra u din is-sena, biex iżomm, fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil milli jogħlew u biex jibqgħu stabbli.
Dan is-sussidju wassal biex pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Infatti, minn dan l-Ewrobarometru ħareġ li f’din l-aħħar sena ċ-ċittadini Maltin kellhom fost l-inqas diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar.
B’kollox, 73% tal-Maltin qalu li fl-aħħar sena ma sabux diffikultà biex iħallsu l-kontijiet.
Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna taqbeż sew ir-rata ta’ pajjiżi akbar minn Malta, fosthom Franza, l-Irlanda, u l-Italja, u hija anki ogħla mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li 64% tal-Maltin huma interessanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li se jsiru bħal dan iż-żmien sena. Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq ir-rata tal-medja tal-Unjoni Ewropea, li hija 56%.
Ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis ta’ 14% fil-fiduċja taċ-ċittadini Maltin fil-Parlament Ewropew, meta mqabbel mal-Ewrobarometru tal-Ħarifa. Il-fiduċja tal-Maltin fil-Parlament Ewropew hija ta’ 48%.