Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin ma jaqblux li jkun hemm investiment fis-sigurtà u d-difiża Ewropea. Dan joħroġ mill-Ewrobarometru għax-xitwa, li għadu kemm ġie kkummissjonat mill-istess Parlament Ewropew fost 26,000 persuna fil-bidu ta’ din is-sena.
Huma biss 14% tal-Maltin li wieġbu li jaqblu li waħda mill-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għandha tkun dik tal-investiment fid-difiża u s-sigurtà Ewropea.
Il-persentaġġ tal-Maltin favur dan hu inqas minn kemm kien fl-aħħar Ewrobarometru, li ħareġ qrib l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Dan ir-riżultat, li joħroġ mill-aħħar Ewrobarometru, jesprimi l-istess sentiment tal-poplu bħal dak tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li kontinwament jisħaq kif kull miżura u inizjattiva li jieħu hi intenzjonata biex tgħin u tinċentiva liċ-ċittadini f’pajjiżna.
Fil-fora internazzjonali, il-Prim Ministru Malti sostna li hu jemmen li l-paċi tista’ tintlaħaq bid-djalogu u mhux bl-investiment fl-armi.
Dan kompletament bil-kontra tal-Partit Nazzjonalista, li qed jinsisti l-ħin kollu biex il-Gvern jiddejjen ħalli jixtri l-armi u l-munizzjon, flus li jmorru għall-industriji barranin li jipproduċu l-armamenti.
Dan mhux l-inqas mill-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, li qed timbotta l-pjan ta’ €800 biljun imsejjaħ ‘ReArm Europe’.
Aktar kmieni dan ix-xahar, hi fil-fatt qalet hekk meta mitluba tikkummenta dwar dan il-pjan imressaq mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
“It is about damn time.”
Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola
Dakinhar l-Ewroparlamentari Nazzjonalista qalet li n-nies iridu dan l-investiment. F’intervista iżjed riċenti, Metsola wkoll sostniet li, kien għaliha, Malta tikkontribwixxi finanzjarjament minn flus miġburin mit-taxxi fil-pjan biljunarju tal-Unjoni Ewropea biex jinxtraw l-armamenti.
Fil-fatt, Metsola qalet li, kieku hi kienet il-Prim Ministru, kienet tieħu l-fondi biex iżżid l-armamenti fid-difiża.
“Kieku jien kont ngħidilhom, isma’ għandi bżonn naqra minn dawk il-fondi.”
Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola
Minkejja dan, kif jixhed b’mod ċar l-aħħar Ewrobarometru, il-maġġoranza tal-poplu Malti ma jaqbel assolutament xejn ma’ Metsola, li mill-ġdid, bħall-Partit tagħha, jidher li m’għandhiex idejha fuq il-polz tal-poplu.
Fil-fatt, il-Maltin saħqu li l-valur tal-paċi għandu jkun ta’ prijorità u mhux bil-kontra.
AQRA AKTAR: