66% jew aħjar żewġ terzi tal-Maltin huma sodisfatti bl-ekonomija Maltija.
Dan ħareġ minn studju tal-Ewrobarometru, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, li ħareġ dan ix-xahar, fi stħarriġ li sar bejn Ġunju u Lulju li għadda.
Dan ifsser żieda ta’ 7% meta mqabbel mal-Ewrobarometru ta’ qabel, li ġie ppubblikat f’April li għadda.
Din ir-rata ta’ Malta tiżboq sew il-medja tal-Unjoni Ewropea, hekk kif din hija ta’ 40%.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif 85% tal-Maltin għandhom sitwazzjoni finanzjarja stabbli, waqt li hawnhekk il-medja Ewropea hija 11% inqas.
Żewġ terzi tal-Maltin qalu li huma sodisfatti bix-xogħol li għandhom bħalissa.
Fl-Ewrobarometru ippubblikat f’Settembru ħareġ ukoll kif 35% tal-Maltin jaħsbu li s-sitwazzjoni finanzjarja għas-sena d-dieħla, se tkun aħjar minn dik t’issa.
Dan l-isħarriġ ħareġ ukoll kif il-Gvern huwa fdat minn 46% tal-Maltin, waqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija 9% inqas minn dik ta’ Malta.
62% tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea, waqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 49%.
Dwar il-pandemija, kważi 70% huma sodisfatti bil-miżuri li ħa l-Gvern Malti.
Din tiżboq sew il-medja Ewropea, hekk kif hija 16% inqas.
Aktar minn nofs tal-Maltin qalu li l-pandemija ma laqtithomx ħażin finanzjarjament.
Ħareġ ukoll kif kważi kwart tal-Maltin jemmnu li pajjiżna se jirkupra ekonomikament sas-sena dieħla.
Intqal kif il-Maltin huma l-aktar li jaħsbu li l-pjan ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea huwa effettiv fl-irkupru tal-pandemija.
Ħareġ ukoll kif kważi 90% tal-Maltin jemmnu u huma sodisfatti bil-ħaddiema tas-saħħa, filwaqt li hawnhekk il-medja Ewropea hija ta’ 80%.
Intant huma biss kwart tal-Maltin li jemmnu lill-midja f’pajjiżna, waqt li 60% tal-Maltin għandhom fiduċja fil-Pulizija.
Din tal-aħħar hija żieda ta’ 2% mill-istħarriġ t’April li għadda.