Disgħin fil-mija taċ-ċittadini Maltin huma sodisfatti sew bil-ħajja li qed jgħixu.
Dan ħareġ mill-Ewrobarometru, studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, li sar bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru u l-bidu ta’ Novembru – fil-perjodu meta tħabbar il-baġit għas-sena d-dieħla.
Ir-rata tal-Maltin hija aqwa mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 84%. Ir-rata ta’ pajjiżna taqbeż ukoll ir-rata ta’ pajjiżi ferm akbar, bħall-Ġermanja u Franza.
Minn dan l-istudju ħareġ kif kważi sittin fil-mija tal-Maltin qed jistennew li s-sitwazzjoni se tibqa’ l-istess fis-sena li ġejja, waqt li kwart tal-Maltin qed jistennew li s-sitwazzjoni se tkun aqwa minn dik ta’ bħalissa.
Minn dan l-istudju Ewropew ħareġ ukoll li 56% tal-Maltin qalu li l-ekonomija Maltija tinsab f’sitwazzjoni tajba.
Hawnhekk il-Maltin huma mal-aktar ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jaħsbu li l-ekonomija lokali hija b’saħħitha. Ir-rata ta’ Malta tiżboq sew il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 35%. Differenza ta’ 21%.
Ir-rata ta’ sitwazzjoni ekonomika tajba f’pajjiżna tiżboq sew ir-rata ta’ pajjiżi akbar minna fl-Unjoni Ewropea, fosthom il-Ġermanja, Franza u l-Italja.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li żewġ terzi tal-Maltin qalu li qatt, jew kważi qatt, ma kellhom diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar f’din l-aħħar sena. Hawnhekk pajjiżna huwa fost l-aqwa, grazzi għall-politika ta’ stabbilità mħaddna mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif il-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fuels m’għolewx – l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ġarr il-piż tal-familji u n-negozji fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Din il-politika se tkompli wkoll is-sena d-dieħla, hekk kif fil-baġit għas-sena d-dieħla, tħabbar li l-Gvern se jkompli b’din il-politika ta’ stabbilità, b’investiment ta’ €350 miljun.
F’dan l-istudju, il-Maltin qalu li l-akbar sfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż huma l-inflazzjoni, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima.
Dwar il-migrazzjoni, il-maġġoranza tal-Maltin qablu li għandu jkun hemm sistema komuni Ewropea dwar l-ażil, waqt li 93% tal-Maltin jaqblu li għandu jkun hemm aktar infurzar mal-fruntiera fil-baħar.
Minn dan l-istudju ħareġ ukoll li tliet kwarti tal-Maltin ma jaqblux mal-frażi li jekk Malta titlaq mill-Unjoni Ewropea tkun aħjar.
Meta ġew mistoqsija dwar il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li ġej minn fondi Ewropej, tliet kwarti taċ-ċittadini Maltin wieġbu li dan il-pjan huwa effettiv. Fit-tieni żjara tagħha f’pajjiżna f’Settembru li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, sejħet bħala “eċċellenti” l-fatt li 70% ta’ dawn il-fondi f’pajjiżna qed immorru favur il-qalba ambjentali u diġitali – il-prijoritajiet ġodda ta’ pajjiżna.