Erbgħa u tmenin fil-mija taċ-ċittadini Maltin qalu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom f’pajjiżna hi tajba. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, li sar f’Jannar li għadda.
Din ir-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew il-kwalità tal-ħajja fil-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Iżjed minn hekk, l-istħarriġ Ewropew seħħ qabel bdiet u bdiet tinħass il-miżura ta’ fejda mill-Gvern msejħa ‘Stabbiltà’, li mill-bidu ta’ Frar rat aktar minn erba’ mitt prodott tal-ikel essenzjali jitraħħsu u jibqgħu stabbli sa Ottubru li ġej.
F’dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll kif tmienja u sebgħin fil-mija tal-Maltin qalu li s-sitwazzjoni tal-ekonomija f’pajjiżna hi tajba. Din hi ferm aħjar mill-medja Ewropea, fejn kien hemm tlettax fil-mija inqas li esprimew fehma simili.
Hawnhekk ħareġ kif iċ-ċittadini f’pajjiżna qalu li s-sitwazzjoni ekonomika tagħna tinsab aħjar minn ta’ pajjiżi oħrajn, anke dawk ferm akbar minna. Dan hekk kif ir-rata tal-Ġermanja hi ta’ erbgħa u sebgħin fil-mija, fi Franza tlieta u sittin fil-mija u fl-Italja ħamsa u ħamsin fil-mija.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li sitta u sebgħin fil-mija taċ-ċittadini Maltin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika se tkun aħjar jew se tibqa’ l-istess fis-sena li ġejja.
L-aktar żewġ sfidi li kien qed jiffaċċja l-pajjiż f’Jannar, skont l-Ewrobarometru, kienu t-tibdil fil-klima u anke l-għoli tal-ħajja, li sa dak iż-żmien kien għadu qed jgħolli rasu, partikolarment fejn jidħlu prodotti tal-ikel.
Il-Maltin u l-Għawdxin, li ġew intervistati f’dan l-Ewrobarometru, esprimew ukoll fiduċja akbar fil-Gvern Malti mill-medja Ewropea, fl-istess ħin li tnejn u ħamsin fil-mija kienu biħsiebhom se jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-tmienja ta’ Ġunju li ġej.