Il-maġġoranza assoluta tal-familji Maltin qalu li l-qagħda finanzjarja tagħhom hi tajba.
Dan ħareġ mill-Ewrobarometru, studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, li sar f’April li għadda fost aktar minn 26,000 persuna.
Hawnhekk ħareġ li 83% taċ-ċittadini Maltin jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja tajba. B’din ir-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew ir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll li kważi żewġ terzi tal-Maltin qalu li jemmnu li l-ekonomija Maltija tinsab f’sitwazzjoni tajba. Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna hi ferm aqwa mill-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, li hi ta’ inqas minn erbgħin fil-mija.
Hawnhekk ħareġ ukoll li aktar minn sittin fil-mija tal-Maltin jemmnu li l-ekonomija se tibqa’ għaddejja kif inhi jew anki aħjar fit-tnax-il xahar li ġej.
Fost l-isfidi li semmew iċ-ċittadini Maltin hemm l-inflazzjoni u t-tibdil fil-klima.