Fl-aħħar sena, 70% taċ-ċittadini Maltin ma kellhomx diffikultà biex iħallsu l-kontijiet tagħhom fl-aħħar tax-xahar, riżultat tat-titjib fil-livell tal-għajxien b’mod ġenerali li seħħ fl-aħħar snin taħt Gvernijiet Laburisti.
Ir-riżultat joħroġ mill-Ewrobarometru, li hu l-aħħar wieħed qabel isiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej. Dan l-istħarriġ estensiv, ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, sar bejn Frar u Marzu li għaddew u fih ħadu sehem aktar minn 26,000 ċittadin Ewropew, inkluż minn pajjiżna.
Iċ-ċifra ta’ dawk li kapaċi jlaħħqu mal-kontijiet f’pajjiżna, anke meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa, turi li l-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin, f’dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali, hi tajba ħafna.
Jikkontribwixxi għal dan hemm il-fatt li l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, żamm il-prezzijiet stabbli ta’ diversi oġġetti, inklużi dawk tal-enerġija, bħad-dawl u l-fuels, kif ukoll aktar minn 400 prodott tal-ikel essenzjali, li minnhom qed igawdu l-familji u n-negozji kollha f’pajjiżi.
Dan hekk kif il-kriżi tal-enerġija, li laqtet lill-Ewropa u l-bqija tad-dinja wara l-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna, fissret żieda allarmanti fl-ispejjeż tal-bqija tal-familji Ewropej, iżda mhux f’pajjiżna.
Minbarra dan is-sussidju multi-miljunarju, hemm ukoll l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li l-Gvern irnexxielu jinnegozja mal-importaturi u l-ħwienet il-kbar u żgħar, biex ħmistax-il kategorija ta’ ikel essenzjali jitraħħsu b’mill-inqas ħmistax fil-mija minn Frar li għadda u jibqgħu stabbli sal-baġit li jmiss.
Dan kollu jikkumplimenta l-għajnuna matul il-pandemija globali bejn l-2020 u l-2022, fejn il-Gvern ukoll salva eluf kbar ta’ impjiegi u negozji, permezz tal-Wage Supplement.
B’hekk, differenti minn pajjiżi oħrajn madwarna, inkluż ġganti Ewropej, ir-rata tal-familji f’pajjiżna li jifilħu għall-kontijiet tal-ħajja hi ferm aqwa mill-medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, dik ta’ 63%.
F’din l-aħħar pubblikazzjoni tal-istudju Ewropew ġie nnotat li pajjiżna kellu żieda ta’ ħamsa fil-mija f’dawk li mhux isibu diffikultajiet iħallsu l-kontijiet, imqabbel mal-Ewrobarometru preċedenti, li kien sar f’Settembru u Ottubru tas-sena l-oħra.
Minn analiżi li għamel ONE News, jiġi nnotat ukoll li din is-sitwazzjoni attwali f’pajjiżna hi ħafna differenti milli kienet fl-2010, taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi, fejn ukoll kien hemm kriżi finanzjarja, li iżda kienet ferm iżgħar minn dawk tal-lum.
Fil-fatt l-Ewrobarometru ta’ Diċembru 2010 kien żvela li dakinhar kienu biss 27% taċ-ċittadini Maltin li ma kellhomx diffikultà biex ilaħħqu mal-ħajja, inkluż biex iħallsu l-kontijiet.
Li jfisser li, kompletament bil-maqlub tal-lum, 72% tal-Maltin kienu qed isibuha diffiċli biex iħallsu l-kontijiet u jlaħħqu mal-ħajja.
F’dak il-perjodu, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin kienu qed jiffaċċjaw l-ogħla kontijiet fl-istorja u fl-Ewropa, li l-Gvern ta’ GonziPN kien impona “bil-qalb” u kulħadd kien obbligat jidra.
Imqabbel mal-lum, id-diskrepanza fost dawk f’diffikultà biex iħallsu l-kontijiet kull xahar hi kbira. Dan hekk kif fuq perjodu ta’ erbatax-il sena, bejn l-2010 u l-2024, dawn naqsu b’iżjed minn 40%.
Minbarra li għaxar snin ilu Gvern Laburista naqqas il-kontijiet tad-dawl b’25% u ħalla mat-tmenin miljun ewro kull sena fil-bwiet tal-familji u n-negozji, tejjeb il-qagħda tal-familji, partikolarment fil-faxex t’isfel, permezz ta’ baġits soċjali kull sena mill-2013.
Fl-istess perjodu, mhux biss ma ddaħħlu l-ebda taxxi ġodda f’pajjiżna, iżda wkoll ġew eliminati fuq il-pensjonanti u dawk bil-Paga Minima Nazzjonali, inħolqot l-aktar xibka wiesa’ ta’ benefiċċji soċjali, waqt li żdiedu l-akbar opportunitajiet ta’ xogħol fil-pajjiż, tant li llum għandna l-akbar ammont f’impjieg u l-inqas għadd ta’ persuni qegħda.
Din il-ħidma sfieqa minn Gvernijiet Laburisti, minkejja l-akbar sfidi globali, ukoll ġiet riflessa f’riżultat ieħor pożittiv li ħareġ mill-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tal-Ġnus Magħquda, li għadu kemm ġie ppubblikat.
Ibbażat fuq il-livelli ta’ għajxien diċenti, saħħa u edukazzjoni, mill-aħħar snin lil hawn, Malta bdiet tikklassifika mal-aqwa ħmistax-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea u mal-aqwa ħamsa u għoxrin fid-dinja kollha għall-iżvilupp uman.