It-tieni edizzjoni tal-festival tal-inbid Evviva ser tinżamm nhar is-Sibt, 15 ta’ Ġunju, fil-Ġnien ta’ Blankas, fix-Xewkija
Dan tħabbar waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fil-preżenza tas-Sindku u Kunsillieri tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija f’dan il-ġnien pittoresk. Il-Ministru Caruana qalet kif dan il-festival tal-inbid huwa attività oħra li qed tiġi sostnuta mill-Ministeru għal Għawdex u kif l-kunċett nibet minn kollaborazzjoni bejn Castelvenere fl-Italja u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija li hu ġemellat propju ma’ din il-belt li tinsab fil-provinċja ta’ Benevento fir-reġjun ta’ Campania, fl-Italja.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret din l-inizjattiva għaliex, bis-saħħa tal-ġemellaġġ li għandu l-Kunsill Lokali tax-Xewkija, il-pubbliku inġenerali se jingħata esperjenza differenti fejn ser ikollu l-possibbiltà li jduq l-inbejjed li tipproduċi din il-belt u li huma nbejjed ta’ kwalità u rinomati f’dan ir-reġjun Taljan. Il-Ministru tenniet tgħid li l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa biex isostni attivitajiet ċari madwar Għawdex kollu biex Għawdex isir attrazzjoni għal matul is-sena kollha
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Paul Azzopardi qal li, wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-Kunsill Lokali qed jerġa’ jistiden lill-pubbliku ġenerali għat-tieni edizzjoni ta’ dan il-festival li se tkun animata kemm mill-grupp folkloristiku Ta’ Verna kif ukoll mill-grupp mużikali Red Electrick. L-attività ser tibda fit-8.00pm.