Il-Ministeru għal Għawdex issieħeb mal-Kunsill Lokali tax-Xewkija biex nhar is-Sibt, 7 ta’ Lulju, fil-Ġnien ta’ Blankas fix-Xewkija, jiġi organizzat festival tal-inbid bl-isem ta’ Evviva.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana f’dan il-ġnien pittoresk li jinsab fil-periferija tar-raħal tax-Xewkija. Il-Ministru Caruana nnotat li f’dan il-ġnien, li hu kkaraterizzat minn konċentrazzjoni kbira ta’ siġar taż-żebbuġ, sar xogħol mill-kunsill lokali biex isir aktar aċċessibbli għall-pubbliku li jkun qed ifittex mumenti ta’ rilassament f’ambjent naturali.
Justyne Caruana qalet kif dan il-festival tal-inbid, li ġej kollu minn Castelvenere fl-Italja, hu frott il-ħidma tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija li hu ġemellat propju ma’ din il-belt li tinsab fil-provinċja ta’ Benevento fir-reġjun ta’ Campania.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret din l-inizjattiva għaliex, bis-saħħa tal-ġemellaġġ li għandu l-Kunsill Lokali tax-Xewkija, il-pubbliku inġenerali se jingħata esperjenza differenti fejn ser ikollu l-possibbiltà li jduq l-inbejjed li tipproduċi din il-belt. Il-Ministru Caruana ħeġġet il-kunsilli lokali Għawdxin li diġà huma ġemellati ma’ bliet jew irħula oħra biex huma wkoll jisfruttaw l-opportunitajiet li joffru l-ġemelaġġi u l-fondi Ewropej li hemm abbinati magħhom biex isem Għawdex ikompli jinxtered.
Min-naħa tiegħi, is-Sindku Paul Azzopardi qal li, b’kollox, 6 kantini se jieħdu sehem f’dan il-festival ta’ nbejjed Taljani. Is-sindku spjega kif l-ikel tradizjonali Għawdxi se jikkumplimenta din l-attività u li se tkun animata kemm mill-grupp folkloristiku Ta’ Verna kif ukoll mill-grupp mużikali DCapitals. Is-sindku stieden lil kulħadd biex jattendi għal din l-attività.
Ritratti: MGOZ