Li kieku l-Gvern Malti ma żammx b’mod stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, id-daqqa fl-ekonomija kienet tkun kbira ħafna.
Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija Parlamentari li għamel id-Deputat Laburista, Randolph de Battista.
Il-Ministru Caruana qal li kieku l-prezz tal-fjuwils għola, id-daqqa negattiva fl-ekonomija ta’ pajjiżna kienet se tkun ta’ €90 miljun.
Hawnhekk il-Ministru Caruana nnota li meta Gvern Laburista raħħas il-kontijiet tal-enerġija fl-2014, kien hemm injezzjoni ekonomika ta’ €70 miljun.
Clyde Caruana qal “Nikkompara meta kienu l-kontijiet tad-dawl b’25 fil-mija, lura fl-2014, dak iż-żmien dik id-daqqa, b’mod pożittiv fuq l-ekonomija, jiġifieri l-injezzjoni li kien hemm fuq l-ekonomija kienet madwar €70 miljun u wkoll rajna kif l-ekonomija dakinhar tant ħadet spinta ’l quddiem. Issa immaġina, qed ngħidu fjuwils biss, id-daqqa l’ isfel, imma din id-darba flok ’il fuq kienet tkun ta’ €90 miljun.” (30 secs)
Il-Ministru għall-Finanzi qal li, terġa’, l-investiment biex il-prezz tal-enerġija jibqa’ stabbli huwa ferm akbar minn dak meħtieġ għall-fjuwils.
Qal li fl-aħħar żmien l-impatt finanzjarju ttaffa minħabba li l-prezz tal-gass naqas u sussegwentement anke allura l-prezz tal-interconnector fejn ma jistax isir ftehim ta’ hedging.
Fi żmien ta’ kriżi internazzjonali mingħajr preċedent, il-Gvern Malti qed jinvesti madwar biljun ewro s-sena l-oħra u din is-sena biex il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils baqgħu l-istess għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn ma żdied l-ebda ċenteżmu fuq il-prezz tal-elettriku, gass u fjuwils.