Nisa li kienu qed jistennew tarbija u li kienu qed jieħdu l-mediċina Valproate, mediċina li titratta l-epilessija, fil-maġġoranza tagħhom it-tfal tagħhom twieldu bi problemi serji. Dan skond studju li sar mill-aġenzija nazzjonali franċiża tal-mediċini (ANSM) u l-amministrazzjoni tas-saħħa nazzjonali.
Din il-mediċina kienet responsabbli għal difetti fit-twelid ta’ 4,100 tifel u tifla fi Franza, dan skont l-istudju preliminari li sar mill-awtoritajiet tas-saħħa Franċiżi.
Valproate – mediċina li ilha tinbiegħ fi Franza mill-1967 u fir-Renju Unit mill-1973. Sodium valproate tingħata ukoll bħala mediċina għal persuni li huma bipolari.
Ir-rapport ippubblikat ikkonferma li din il-mediċina taffettwa b’mod negattiv l-iżvilupp tal-embrijuni. Fost oħrajn din il-mediċina ikkawżat spina bilfida, difetti fil-qalb u l-organi ġenitali tat-tarbija. Ir-riċerka sabet ukoll li din il-mediċina żżid ir-riskju tal-awtiżmu u problemi fl-iżvilupp.
Sanofi, l-kumpanija li timmanifattura din il-mediċina qalet fi stqarrija li hija kienet għalkollox trasparenti mal-awtoritajiet tas-saħħa.